Il-Kummissjoni Elettorali rċeviet 304 nominazzjonijiet ta’ kandidati għall-Elezzjoni Ġenerali tas-26 ta’ Marzu li ġej. Minn dawn 229 nominazzjonijiet huma ta’ kandidati rġiel filwaqt li 75 huma ta’ kandidati nisa.
Fl-elezzjoni se jikkontestaw seba’ partiti politiċi u kif ukoll seba’ kandidati indipendenti.
F’isem il-Partit Laburista hemm 122 nominazzjoni filwaqt li għal Partit Nazzjonalista hemm 108 nominazzjoni.
In-nominazzjonijiet f’isem il-Partit Laburista jinkludu 96 nominazzjoni ta’ kandidati rġiel u 25 ta’ kandidati feminili.
Għall-ewwel darba f’din l-elezzjoni ser ikun qed jitħaddem l-mekkaniżmu għall-ugwaljanza fis-sessi. Mekkaniżmu li ntroduċa Gvern Laburista biex ikun hemm rappreżentanza aktar ugwali fil-Parlament.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista qal li dan l-eżerċizzju tal-mekkaniżmu l-ġdid se jsir wara li jsiru l-elezzjonijiet każwali. Jiġifieri dan se jkun l-aħħar eżerċizzju fil-proċess elettorali.
Qal, “Hemmhekk jistgħu jiġu eleġutti sa tnax il-persuna tas-sess oppost li jkunu anqas mis-sess l-ieħor.”
L-aktar żewġ distretti li fuqhom se jikkontestaw kandidati u allura se jkollhom l-itwal polza tal-vot huma t-tmien u l-għaxar distrett li għandhom 28 kandidati ’l wieħed. It-tlettax-il distrett jiġifieri Għawdex għandu lanqas numru ta’ kandidati, b’total ta’ sbatax.
Intant, sal-Ħadd filgħaxija wkoll tqassmu 71% tad-dokumenti tal-vot. L-aktar lokalità li tqassmu voti fiha kienet dik ta’ Ħad Dingli fejn tqassmu 89% tal-voti filwaqt li lanqas hi dik ta’ San Pawl il-Baħar fejn tqassmu 45%. It-tqassim tal-voti bieb bieb jibqa’ għaddej sa nhar il-Ġimgħa li ġej.
Qal, “Il-Pulizija se jibqgħu jagħmlu t-tieni u t-tielet round u kemm hemm bżonn sabiex iqassmu dawn id-dokumenti tal-votazzjoni”
F’Għawdex tqassmu 64% tad-dokumenti tal-vot iżda f’din il-gżira hemm ammont ta’ votanti li minkejja reġistrati f’Għawdex huma joqogħdu Malta. Il-Kummissjoni Elettorali qed tagħmel arranġamenti sabiex id-dokumeni tal-vot jinġieb ġewwa Malta. Iżda madankollu dawn xorta jivvutaw f’Għawdex.
Qal, “Hemm formola mall-Kummissjoni Elettorali irridu jimlewha sabiex fl-aħħar ġimgħa tkun tista’ twassalulom ġewwa Malta u jiġbruh min-Naxxar.”
Gatt appella wkoll biex min irċieva xi dokumenti tal-vot ta’ qraba li jinsabu residenti f’dar tal-anzjani, dawn għandhom jgħaduhom lill-istess anzjani sal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu.
Dan hekk kif l-elezzjonijiet fid-djar tal-anzjani se jsiru ġimgħa qabel nhar is-19 ta’ Marzu. L-anzjani se jkunu jistgħu jivvutaw skont id-distrett lid-dokument tal-vot hu reġistrat fuqu anke jekk il-post tal-votazzjoni se tkun id-dar tal-anzjani stess.
Qal, “Dawk l-anzjani li ma nġabarx id-dokument tal-vot, il-Kummissjoni Elettorali se tagħmel l-arranġamenti apposta sabiex tiġbor dawk id-dokumenti tal-vot u ttihulom dak in-nhar fis-19 ta’ Marzu.”
Sabiex wieħed jivverifika jew isaqsi dwar il-proċess elettorali jista’ jċempel lill-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.