Il-ħaddiema tas-salvataġġ fil-Marokk komplew bl-operazzjoni delikata biex isalvaw aktar nies minn taħt it-tifrik li ħalla t-terremot u li s’issa ħasad il-ħajja ta’ aktar minn elfejn u ħames mitt persuna.
Qed jiġi rrapportat kif in-numru tal-mejtin mistenni jibqa’ jikber mal-ħin, hekk kif qed jibqgħu jinstabu aktar nies taħt il-bini mwaqqa’. Fil-fatt fi ftit sigħat, fil-jum tat-Tnejn instabu madwar ħames mitt katavru ieħor.
Qed jingħad ukoll li l-ħaddiema m’għandhomx makkinarji biex ineħħu l-ġebel u materjal ieħor kbir u qed jużaw biss idejhom.
Il-Gvern tal-Marokk qal kif aċċetta l-għajnuna minn bosta pajjiżi, fosthom mir-Renju Unit, Spanja il-Qatar u anke l-Emirati Għarab Magħquda.
Il-midja internazzjonali rrapportat kif, permezz ta’ dan it-terremot, familji sħaħ spiċċaw maqtula, fosthom missier li qal kif tilef lil martu u lit-tliet uliedu.
Minkejja li t-terremot ta’ qawwa ta’ 7.2 fuq l-Iskala Richter affettwa l-aktar il-villaġġi fir-reġjun muntanjuż Atlas u l-belt storika ta’ Marrakech, it-theżżiża nħasset ukoll fil-kapitali Rabat, 350 kilometru ’l bogħod, kif ukoll f’Casablanca, Agadir u Essaouira.
L-akbar terremot li qatt għamel fl-istorja tal-Marokk kien dak tal-1960 meta l-belt ta’ Agadir intlaqtet minn terremot ta’ 6.7 fuq l-Iskala Richter. Dakinhar kienu mietu aktar minn 12,000 persuna.