Ħames snin ilu l-Gvern inawgura l-proġett ta’ ‘The Meeting Place’, iċ-ċentru fil-Marsa li qed jipprovdi post modern 24 siegħa kuljum fejn joperaw u jiltaqgħu organizzazzjonijiet mhux governattivi, li jaħdmu fis-settur edukattiv, tas-saħħa u soċjali.
Hawnhekk huma jkunu jistgħu anke jorganizzaw il-laqgħat ġenerali annwali, konferenzi, taħriġ u anke seminars. Ħafna drabi jkun hemm laqgħat bilaterali li jinvolvu aktar minn settur wieħed.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn kienu preżenti l-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, u ċ-Chairperson tal-Marigold Foundation, Michelle Muscat, il-maniġer tal-post Saviour Grima tenna li, bejn l-2019 u l-2024, il-post diġà laqa’ fih madwar 65,000 persuna għal attivitajiet differenti, speċjalment dawk relatati mas-settur soċjali.
Fil-fatt jirriżulta li aktar minn 80 NGO differenti sal-lum qed jagħmlu użu minn din il-binja, li toffri l-faċilitajiet u l-loġistika kollha b’xejn.
Michelle Muscat qalet li hu ta’ sodisfazzjon kbir għall-Marigold Fondation li, flimkien mal-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, tagħmel parti minn dan il-proġett.

Żiedet li l-post, li qabel kien biċċa art mitluqa fejn kienu jsiru l-abbużi b’riskji serji għal min jiffrekwenta l-post, inkluż tfal tal-iskola, illum qed jagħmel daqstant ġid fil-komunità.
“Dan huwa proġett li kien hemm bżonnu u tfassal għax ovvjament tfassal fuq dak li kien hemm bżonn, illum il-ġurnata naraw hawnhekk realtajiet differenti ta’ nies li jużaw dan il-post li sabu home fejn jaħdmu,fejn joperaw fejn jgħinu lil-ħaddieħor.”
Michelle Muscat, Chairman, Marigold Foundation
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli Michael Falzon stqarr li dan il-mudell soċjali għandu jkompli jservi ta’ pjattaforma li tgħaqqad diversi individwi u għaqdiet li għandhom għal qalbhom il-ġid fis-soċjetà.

Għaldaqstant saħaq li l-Gvern, bil-maqlub ta’ dak li qed iseħħ f’pajjiżi oħrajn, se jkompli jinvesti f’inizjativi bħal dawn li tant jgħinu familji vulnerabbli.
“The meeting place kien verament kif jgħidu bl-Ingliż lived up to his name, huwa post fejn jiltaqa kulħadd fiġ b’mod individwali bħala NGO’s biżżejjed ngħid li s-sena li għaddiet kienu iktar minn 16 il-elf ruħ li għamlu użu minn dan il-post, tfisser ħaġa waħda, li verament nistgħu naħdmu lkoll flimkien, niltaqgħu flimkien, u naħdmu għal-soċjeta’ waħda, soċjeta’ Maltja”
Il-Ministru Michael Falzon