Il-medjazzjoni tista’ tkun is-soluzzjoni meta tinqala’ tilwima ċivili minflok wieħed imur għal-litgazzjoni fil-Qorti. Hekk stqarr Romuald Attard ir-Reġistratur taċ-Ċentru għall-Medjazzjoni għal Malta.
Huwa spjega kif l-għan ewlieni taċ-Ċentru huwa li filwaqt li jieħu ħsieb il-medjazzjonijiet dwar il-maġġoranza ta’ tilwim ċivili jqajjem għarfien dwar il-benefiċċji tal-proċess bħala l-mod ta’ kif wieħed isib qbil.
Huwa qal, “Aħna qed nagħmlu kampanja biex kemm jista’ jkun inġibu l-pubbliku ‘aware’ li flok, meta jkollu tilwim ma’ xi ħaddieħor, flok imur direttament il-Qorti, jkellem avukat kif aħna l-poplu mdorri jagħmel, jistgħu jiġu għall-medjazzjoni, jistgħu jiġu żewġ partijiet, jagħżlu medjatur tal-kunfidenza tagħhom, aħna għandna l-fuq minn 70 medjatur u jipprova jwassalhom għal soluzzjoni tat-tilwima tagħhom.”
Huwa spjega kif il-proċess ta’ medjazzjoni qed jintuża wkoll bħala l-ewwel mezz ta’ kif ikunu solvuti tilwim dwar kirjiet ta’ qabel l-1995.
Attard fisser: “F’Settembru ġiet fis-seħħ liġi li kienet għaddiet fil-parlament fit-2017, fejn dawk it-tilwim fuq kirjiet li ġew iffirmati minn 1995, qabel, lura, il-kirjiet protetti, dawk meta tiġi applikata t-tilwima quddiem il-bord li jirregola l-kera, dawk iridu jiġu b’mod obbligatorju għall-medjazzjoni.”
Attard spjega kif il-medjazzjoni fiha ħafna benefiċċji. Fost l-oħrajn din tiswa inqas mill-proċess ta’ litigazzjoni fil-Qrati filwaqt li toffri opportunità sabiex b’rieda tajba t-tilwima tissolva f’qasir żmien.
Huwa tenna: “Il-medjazzjoni hija kunfidenzjali, jistgħu jiltaqgħu mhux fil-Qorti, jistgħu jiltaqgħu fiċ-ċentru jew xi mkien ieħor, jiġifieri ‘l bogħod mill-Qorti fejn dak li jkun iħossu komdu. Dak li jintqal ikun kollu kunfidenzjali u dejjem jekk fl-aħħar mill-aħħar ma jaqblux xorta jispiċċaw il-Qorti. Jiffrankaw il-flus, jiffrankaw il-ħin, b’daqsxejn rieda tajba jistgħu jkun hemm qbil fil-medjazzjoni.”