Tul il-lejl tat-Tlieta Il-gwardja kostali Taljana salvat madwar 3000 immigrant li sabu ruħhom f’diffikultajiet fl-istrett ta’ Sqallija.
Dan permezz ta’ tletin missjoni ta’ salvataġġ li twettqu separatament.It-3000 immigrant salvati jfisser li f’temp ta’ jumejn l-Italja salvat madwar għaxar t’elef immigrant li sabu ruħhom f’diffikultajiet fi triqithom lejn tama ġdida fl-Ewropa.
Dan fl-istess waqt li fl-aħħar sigħat f’pajjiżna ma kien hemm ebda dħul ta’ dgħajjes b’immigranti.
L-immigranti li waslu l-Italja kienu mrassa f’għadd ta’ dgħajjes u oħrajn fuq dinghies. Għad mhiex magħrufa n-nazzjonalita’ tagħhom.
Din l-aħbar kienet irrapurtata ftit sigħat wara li l-Italja salvat sitt t’elef immigrant fil-Libja f’dik li qed titqies bħala l-akbar missjoni ta’ salvataġġ li qatt wettqet l-Italja f’temp ta’ ġurnata.
Fost dawk salvati kien hemm ommijiet bit-trabi.
Kelliem għall-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-migrazzjoni qal li baħar iktar kalm qed iħajjar iżjed immigranti biex jaqbdu l-vjaġġ tagħhom lejn l-ewropa. Għalhekk mhiex sorpriża li bħalissa fil-Mediterran hemm għadd t’immigranti fuq dgħajjes fi triqithom lejn l-Ewropa. Filfatt sa nhar it-Tnejn biss aktar minn 12,000 immigrant daħlu l-Italja bil-maġġoranza tagħhom kienu salvati fin-naħa t’isfel tal-Italja.
Iż-żieda qawwija fin-numru t’immigranti li waslu l-Italja f’temp ta’ ftit sigħat hija riżultat ta’ fruntieri magħluqa fl-Ewropa Centrali. Fattur li ġab lil Italja darha mal-ħajt tant li ma tafx fejn se żżomm dawn l-immigranti.Skont l-organizzazzjoni Internazzjonali għall-migrazzjoni , fl-elfejn u sittax l-Italja rat mal-elf u ħames mitt immigrant ferm iktar mill-ammont li rat fl-elfejn u ħmistax. Il-maġġoranza tagħhom bdew il-vjaġġ mil-Libja.
Huwa stmat li madwar 2,700 immigrant tilfu ħajjithom din is-sena waqt il-vjaġġ lejn l-Ewropa.