Is-summit li laqqa’ s-seba’ pajjiżi tan-nofsinhar tal-Mediterran huwa wieħed kruċjali. Dan hekk kif qed isir fi sfond ta’ deċiżjonijiet li qed jittieħdu dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u għalhekk irid ikun żgurat li dan ir-reġjun ikun parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet.
Saħaq dan il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu tas-summit bejn seba’ mexxejja ta’ pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa.
Dr Muscat qal li dan is-summit qed jittella’ fi żmien ta’ inċertezza għad-dinja. Sostna li f’dan l-ambjent l-UE hija mistennija li tilgħab irwol sostanzjali billi tistimula l-istabilità u t-tkabbir fil-Mediterran u lil’hinn.
Il-Prim Ministru Malti fisser kif il-pajjiżi tal-Mediterran dejjem kellhom rwol kbir fl-istabilità tal-Ewropa u lil’hinn. Saħaq li l-vokazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi hija li jippromwovu l-paċi u stabbilità.
Fil-kuntest ta’ dinja li dejjem qed issir iżjed instabbli, Dr Muscat fakkar fil-kliem li huwa sejjaħ bħala kważi profetiku li kien lissen l-eks Prim Ministru Duminku Mintoff, meta fis-summit ta’ Helsinki fl-1975 kien qal li ma jistax jkun hawn paċi u stabilità fl-Ewropa mingħajr paċi u stabilità fil-Mediterran.
Dikjarazzjoni li kienet tnizzel fid-dikjarazzjoni ta’ Helsinki. Muscat qal li din id-dikjarazzjoni tibqa’ valida anke illum il-ġurnata.
Fuq dan il-prinċipju, Dr Muscat qal li xogħol l-UE huwa li jiġu salvagwadrjati id-drittijiet taċ-ċittadini, u li tinħoloq starteġija għal iktar tkabbir ekonomiku ħalli jinħoloq iżjed xogħol.
Madanakollu, it-tkabbir ekonomiku ma jistax ikun sostnut jekk ma tiġix miġġielda l-isfida tat-tibdil fil-klima. Hawnhekk il-Prim Ministru Malti fisser li l-Ewropa għanda tintensifika xogħolha fuq l-istrateġija tal-klima ħalli jiġu implimentati l-objettivi tal-ftehim ta’ Pariġi. F’dan ir-rigward irid jiġi żgurat li jkun hawn konnessjoni tajba fil-Mediterran bħala kundizzjoni għal suq tal-enerġija operabbli. Dan iwassal għal sostennibilità, affordabilità u s-sigurtà tal-provista.
Iktar importanti minnhekk tibqa’ s-sigurtà. Dr Muscat spjega li l-instabbilità fil-Libja hija theddida għall-UE. Saħaq li l-waqfien mill-ġlied u diskussjonijiet mal-Ġnus Magħquda biex jiġi żgurat waqfien permanenti għall-ġlied huwa l-ewwel pass fit-triq twila li terġa’ tinbena l-Libja.
Dan jintrabat mal-bżonn ta’ stabbilità fil-kontinent Afrikan halli b’hekk tiġi attakkata l-għeruq tal-problema tal-immigrazzjoni.
Il-Prim Ministru Malti sostna li l-pożizzjoni ġeografika tal-Mediterran jagħmel dan ir-reġjun suġġettibbli għall-immigrazzjoni. Filwaqt li saħaq li sar progress biex tintrefa’ responsabilità ta’ dan il-fenomenu, Muscat qal li hemm bżonn mekkaniżmu permanenti fil-kuntest ta’ politika tal-immigrazzjoni bbażata fuq bilanċ bejn responsabilità u solidarjetà.
Hawnhekk Dr Muscat irrikonoxxa x-xogħol tal-għassa tal-kosta Libjan fejn qal li dan wera li hu effettiv f’xogħlu. F’dan ir-rigward qal li huwa kruċjali li kull bastiment li jbaħħar fil-Mediterran jirrispetta l-liġijiet internazzjonali.
Il-Prim Ministru Malti temm ir-rimarki tiegħu billi esprima t-tħassib dwar l-eskalazzjoni tat-tensjoni bejn Ċipru u t-Turkija fl-aħħar jiem.