Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo esprima l-appoġġ sħiħ ta’ Malta għall-ħidma tal-Unjoni tal-Mediterran bħala l-unika struttura reġjonali li tindirizza sfidi komuni fil-Mediterran, u li ġġib lil partijiet mix-xtut kollha flimkien. Il-Ministru Bartolo attenda għas-sitt forum reġjonali tal-Mediterran imtella’ mill-Unjoni għall-Mediterran f’Barċellona. Dan il-forum laqqa’ t-42 membru tal-UfM, li 27 minnhom huma l-membri stati Ewropej, u li l-15 l-oħra huma pajjiżi tal-Balkani, tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
Il-Ministru Bartolo qal li, filwaqt li lkoll ġejjin mill-istess żona ġeografika, għandna sistemi politiċi u soċjo-ekonomiċi distinti f’dawn l-isferi. Il-qasmiet politiċi f’dan ir-reġjun jagħmluna dgħajfa biex nindirizzaw problemi komuni.
L-Unjoni tal-Mediterran tkopri ħidma f’sitt oqsma prinċipali marbuta man-negozju u x-xogħol; l-edukazzjoni; l-affarijiet soċjali u ċivili; l-enerġija u ħidma dwar il-klima; it-trasport u l-iżvilupp urban; l-ilma, l-ambjent u l-ekonomija l-blu (dwar l-użu sostenibbli tal-baħar għat-turiżmu, il-kummerċ u s-sajd). Malta wkoll tagħti sehemha fil-UfM, hekk kif l-Ambaxxatur Dr John Paul Grech iservi bħala d-Deputat Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Soċjali u Ċivili, u bosta huma l-entitajiet pubbliċi Maltin li jipparteċipaw fi proġetti varji.
Tul din il-laqgħa, intervjenew bosta Ministri tal-Affarijiet Barranin, li wkoll saħqu dwar l-importanza li r-rakkomandazzjonijiet jeħtieġ li jkunu trasformati f’ħidma konkreta li diġà twettaq l-UfM u li hemm bżonn tkompli tissaħħaħ għall-benefiċċju tal-popli tal-Mediterran.
Intant, il-President George Vella ddiskuta ġrajjiet kurrenti fil-Mediterran ma’ studenti minn Malta u minn pajjiżi oħra li bħalissa qegħdin jagħmlu l-kors ta’ M.A. fir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti u s-Sigurtà tal-Mediterran fl-Università ta’ Malta. Id-diskussjoni ġiet organizzata fil-Palazz ta’ Sant’Anton miċ-Ċentru għall-Istudju u l-Prattika tar-Riżoluzzjoni tal-Kunflitti, ċentru li twaqqaf dan l-aħħar fi ħdan l-Università ta’ Malta bl-għan li jsiru riċerka u prattika fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti.
Is-suġġetti diskussi inkludew sfidi ġenerali tal-Mediterran, is-sitwazzjoni fil-Libja u fl-Afrika ta’ Fuq, il-migrazzjoni permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali, kwistjonijiet bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis tal-baħar u d-deżertifikazzjoni, il-kontribut ta’ Malta għad-diplomazija fil-Mediterran, u l-importanza tad-djalogu bejn twemmin differenti fil-Mediterran.
Il-President iddiskuta l-irwol ta’ Malta fil-Mediterran, il-kontributi tagħha, kif ukoll l-inizjattivi li qiegħda tieħu sabiex tgħin tindirizza dawn il-kwistjonijiet. L-irwol ta’ Malta fil-Mediterran huwa li tipprietka u tippromwovi l-paċi u, fuq kollox, tipprovdi assistenza minkejja l-limitazzjonijiet tagħha bħala pajjiż żgħir, qal il-President. Huwa spjega wħud mill-isfidi li pajjiżi individwali fil-Mediterran qegħdin jaffaċċjaw minħabba l-istorja u l-isfond politiku tagħhom, kif ukoll sfidi ġenerali oħrajn u l-effetti tagħhom fuq il-ħajja u l-politika ta’ dan ir-reġjun.
Ritratti: MFEA u OPR