Il-Grupp bankarju MeDirect, li huwa stabbilit f’Malta u fil-Belġju, ħabbar li fl-2022 għamel profitt wara t-taxxa ta’ €8.7 miljun.
Fi stqarrija dwar ir-riżultati kummerċjali u finanzjarji tiegħu għas-sena l-oħra, il-Grupp qal li dawn ir-riżultati nkisbu matul sena li fiha għamel progress sinifikanti fit-twettiq tal-pjan tat-trasformazzjoni tiegħu. Qal ukoll li, matul l-2023, għandu l-għan li joffri aktar soluzzjonijiet innovattivi għad-demokratizzazzjoni tal-investiment filwaqt li jespandi fit-tielet suq Ewropew tiegħu, l-Olanda.
Il-Bank qal li s-sena l-oħra uża teknoloġija innovattiva biex jistabbilixxi standards ġodda fis-suq Malti tas-self fuq id-djar fir-rigward taż-żmien li jittieħed biex toħroġ kwotazzjoni u ż-żmien sakemm l-applikazzjoni tiġi approvata. Ħabbar li, is-sena li għaddiet, ta €68 miljun f’self fuq id-djar f’Malta.
Il-ħidma tal-MeDirect biex jistabbilixxi ruħu bħala pijunier Ewropew fis-settur tal-WealthTech ingħatat spinta sinifikanti ’l quddiem bit-tnedija tal-Wealth SuperApp tiegħu, kemm f’Malta kif ukoll fil-Belġju. L-app toffri servizzi bankarji li l-klijenti jkollhom bżonn ta’ kuljum mingħajr xkiel, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet ta’ investiment onlajn, b’għażla għal aktar minn 5,000 investiment finanzjarju.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp MeDirect, Arnaud Denis, ikkummenta li, “matul is-sena l-oħra, il-MeDirect baqa’ ffukat fuq l-għan tiegħu: li jagħti l-għodda necessarji lill-klijenti biex ikabbru l-ġid tagħhom b’fiduċja u awtonomija… Il-profitt tagħna tal-2022 se jsaħħaħ il-bażi kapitali tagħna u jpoġġi lill-MeDirect f’pożizzjoni tajba biex ikompli jimxi ’l quddiem.”