Il-midja tal-Partit Nazzjonalista qisha l-magna tal-propoganda tal-Gvern Russu.
Dan sostnih l-editorjal ta’ The Malta Independent, fejn stqarr li l-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista qatt ma jistgħu ikunu kredibbli meta se jibqgħu joħorġu stejjer li jkunu riċiklati, ma jagħmlu l-ebda sens jew joħorġu stejjer li ma jkunux ivverifikati.
Isemmiet l-istorja li rrapurtaw n-Nazzjon u Net News fl-aħħar jiem fejn qalu li kienet għibet ammont kbir ta’ droga mill-Qorti.
L-istorja ta’ NET News pruvat timplika li b’xi mod il-Gvern kellu sehem fl-għajbien ta’ din id-droga li kienet inġabret u ġiet maħżuna wara raid tal-Pulizija fl-elfejn u erbgħa.
Li ma ssemmiex huwa, li d-droga damet ma nstabet hekk kif lura fl-elfejn u erbgħa, meta Malta kienet għadha taħt Gvern Nazzjonalista id-droga ġiet immarkata b’mod żbaljat.
L-editur ta’ The Malta Independent innota wkoll kif minkejja li kien jaf li dawn l-istejjer ma jagħmlux sens u li d-droga kienet instabet fl-istrong room tal-Qorti stess, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia xorta ħass il-bżonn li jlaqqa’ l-media sabiex ikun jista’ jatakka l-Gvern dwar din il-materja biex jipprova jirbaħ xi punti politiċi.
Din l-istorja, li fil-verità ma hija storja xejn, kompliet tevolvi bil-ġurnalist ta’ Net News Mario Frendo jiġri mat-toroq tal-Belt sabiex jipprova jistaqsi lill-Ministru Owen Bonnici jekk hux se jkun qed jerfa’ r-responsabbiltà politika. Madankollu, dakinhar il-Ministru nzerta kien barra mill-Ministeru fuq impenji oħra tal-Gvern.
L-editur ta’ The Malta Indipendent rrefera wkoll għall-artiklu ieħor tan-Nazzjon fejn qalu li l-Gvern ħeba l-fatt li żewġ marixalli tal-Qorti serqu numru ta’ dokumenti tal-Qorti.
L-artiklu, li ingħata prominenza kbira fl-ewwel faċċata tan-Nazzjon reġa’ pprova jimplika l-involviment tal-Gvern għax skontu din l-istorja baqgħet mistura.
Madankollu naqas milli jinnota kif kien il-Ministeru tal-Ġustizzja li żvela din l-istorja aktar minn sena ilu u li bħalissa dawn iż-żewġ marixalli jinsabu għadejjin bi proċeduri legali kontrihom.
L-editur kompla jgħid li għall-media Nazzjonalista dak li huwa iswed isir abjad u dak li huwa abjad isir iswed bl-istejjer mhux verifikati jew aħjar fake news saru l-ordni tal-ġurnata għall-media nazzjonalista.