Il-media tista’ tkun fattur importanti biex ikollna apprezzament kulturali pożittiv tal-migrazzjoni, u b’hekk tgħin fil-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela.
Il-Ministru Abela kien qed jindirizza l-ewwel edizzjoni tal-‘Migration Media Award’, li saret fil-Belt Valletta nhar l-Erbgħa 14 ta’ Ġunju 2017 taħt l-awspiċi tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avveniment hu kompetizzjoni ġdida għall-ġurnalisti ffinanzjata mill-UE bl-inizjattiva tal-‘International Centre for Migration Policy Development’ (ICMPD).
Il-proġetti tal-‘EUROMED Migration IV’ u tal’-Open Media Hub’, li huma ffinanzjati mill-UE, żviluppaw l-iskema fi sħubija mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil (EASO) u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ ta’ Malta. Il-ġurnalisti li rebħu premju għall-mertu ġurnalistiku tagħhom fil-qasam tal-migrazzjoni fir-reġjun Ewro-Mediterranju kienu 35, minn 16-il pajjiż differenti.
“Ma nkunux realistiċi u korretti jew ma nirrikonoxxux il-fatt li l-migrazzjoni hi tabilħaqq sfida”, qal il-Ministru Abela. “Madanakollu, l-isfidi jġibu magħhom ukoll l-opportunitajiet, u aħna nemmnu li hemm ħtieġa urġenti li, biż-żmien, nevolvu l-mod kif inħarsu lejn il-migrazzjoni biex nibdew narawha b’mod aktar ħolistiku. Wieħed mill-mezzi l-aktar b’saħħithom biex nagħmlu dan hu l-media”.
Il-Ministru Abela spjega li sabiex jinkoraġġixxi lill-ġurnalisti jmorru lil hinn mis-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u jiffukaw ukoll fuq ir-realtà ta’ kuljum tal-migranti u tar-refuġjati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ daħal għal dan il-proġett ambizzjuż u innovattiv li fil-qalba tiegħu hu maħsub biex jibbilanċja mill-ġdid in-narrattiva tal-migrazzjoni fil-Mediterran u jippremja l-eċċellenza ġurnalistika dwar din il-materja.
Il-Ministru osserva li fis-snin li għaddew Malta poġġiet is-suġġett tal-migrazzjoni fuq nett tal-aġenda tagħha, anke matul il-Presidenza ta’ bħalissa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Malta ħadmet bil-kbir biex kulħadd jifhem l-importanza li l-migrazzjoni tiġi indirizzata b’mod komprensiv.
Malta hi ħerqana li tibqa’ tibni fuq il-kooperazzjoni pożittiva li żviluppat f’dawn l-aħħar sitt xhur, minn mindu fil-25 ta’ Jannar il-‘Migration Media Award’ tħabbar fi Brussell mill-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin George W. Vella, qal il-Ministru Abela. Il-Ministru Carmelo Abela faħħar ix-xogħol kbir u d-dedikazzjoni tal-predeċessur tiegħu, kemm bħala ministru kif ukoll fil-karriera politika tiegħu.
Intant, nhar il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 2017 il-Ministru Abela laqa’ lid-Direttur Ġenerali tal-ICMPD Michael Spindelegger, u lid-Direttur tal-ICMPD responsabbli mid-Djalogi u l-Kooperazzjoni dwar il-Migrazzjoni Martijn Pluim. Il-Ministru ddikjara l-impenn ta’ Malta li tkun l-ewwel pajjiż Mediterranju li jsir membru ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali.