Is-summit tal-MED 9 f’pajjiżna li sar il-Ġimgħa ġie rrapportat bi prominenza fil-midja internazzjonali.
Is-sit tal-aħbarijiet internazzjonali Euronews irrapporta kif il-mexxejja tad-disa’ pajjiżi tal-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea qablu li jkun hemm l-isforzi li jipprevenu t-tluq tal-migranti mill-Afrika ta’ Fuq.
Intqal li l-Unjoni Ewropea għandha żżid u ssaħħaħ ir-responsabilità biex ikun hemm is-sorveljanza biex tippreveni t-tluq, waqt li jikkombattu t-traffikar uman.
Il-Euronews irrapporta li ġie maqbul li l-Unjoni Ewropea trid tħaffef il-proċess biex tibgħat lil dawk il-migranti li l-applikazzjoni tal-ażil tagħhom ma tkunx milqugħa.
Dr Abela, imdawwar mill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni u l-President Franċiż Emmanuel Macron, sostna li għandu jkun hemm aktar koperazzjoni robusta ma’ kull pajjiż fil-Mediterran.
Is-sit tlal-aħbarijiet Franċiż, France 24 irrapporta li kif il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Mediterran qablu li għandu jkun hemm aktar koperazzjoni biex tkun megħluba l-isfida tal-migrazzjoni f’dan ir-reġjun.
Fost il-mexxejja li ssemmew f’dan ir-rapport kien hemm il-President Franċiż Emmanuel Macron, il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni u l-Prim Ministru Malti Robert Abela.
Is-sit Taljan tal-aħbarijiet Rai rrapporta dak li qalet il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni, li tenniet li issa huwa l-mument definittiv li l-Unjoni Ewropea taġixxi dwar il-migrazzjoni.
Intqal li dan is-summit f’Malta kien importanti qabel is-summit informali tal-Kunsill Ewropew, li se jsir fi Spanja, nhar il-Ġimgħa li ġej. Dan anki għal-laqgħat ta’ wara jiġifieri s-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, f’Ottubru u f’Diċembru li ġej.
Aktar midja Taljana rrapportat il-laqgħa bilaterali li saret fil-Berġa ta’ Kastilja bejn il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni u l-President Franċiż Emmanuel Macron, li ddiskutew l-isfida tal-migrazzjoni.
Preżenti għal din il-laqgħa bilaterali kien hemm il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen.
Sit internazzjonali bħal AlJazeera rrapporta wkoll l-laqgħa importanti li saret f’pajjiżna, fejn issemmiet it-tema prinċipali tal-migrazzjoni.
Fuq il-midja soċjali, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel irringrazzja lill-Prim Ministru Malti Robert Abela tal-ospitalità waqt dan is-summit.
Hawnhekk Charles Michel tenna li flimkien bħala Unjoni Ewropea għandu jkun hemm protezzjoni aktar effettiva fil-fruntiera, waqt li tkun miġġielda l-ġlieda kontra t-traffikar uman u l-kriminalità.
Fuq il-midja soċjali wkoll, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen tenniet li tul l-istorja Malta kellha rwol strateġiku fir-reġjun tal-Mediterran.
Intqal li ma kienx hemm post aħjar minn pajjiżna, biex ikun diskuss il-futur tar-reġjun tal-Mediterran, li jgħaqqad flimkien l-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani.
Von der Leyen sostniet li l-laqgħa tal-MED 9 f’pajjiżna kienet importanti għal ambizzjonijiet komuni biex ikun hemm aktar koperazzjoni dwar il-migrazzjoni.