Il-McDonald’s tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sar l-ewwel ristorant f’pajjiżna b’akkreditazzjoni ta’ Autism Friendly, wara li saritlu kamra apposta biex tilqa’ tfal u persuni bl-awtiżmu u diffikultajiet sensorjali oħra.
Id-disinn tal-kamra sar b’kollaborazzjoni bejn Prisms Malta u l-Assoċjazzjoni tal-Ġenituri tal-Awtiżmu.
Il-kamra fiha ambjent bi dwal u livelli ta’ storbju li huma speċifikament maħsuba biex jgħinu persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu jgawdu l-esperjenza ta’ ristorant.
Id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija li tieħu ħsieb l-operat tal-McDonald’s f’Malta, Peter Hili qal li kull nhar ta’ Tnejn u Ħamis bejn it-tlieta u l-erbgħa u nofs ta’ waranofsinhar, ir-ristorant se jkollu dwal aktar baxxi u inqas storbju.
Qal, “We’ll have no music in the lobby and people using the space would be able to benefit from this. This fully merges with McDonald’s values when it comes to accessibility and kindness.”
Marie Claire Testa minn Prisms Malta, spjegat li dan kien proċess ta’ sena, li matulu diversi impjegati ħadu taħriġ professjonali biex issa huma ċċertifikati bħala Ambaxxaturi tal-Awtiżmu.
Dawn se jkunu lebsin badges apposta u jkunu disponibbli għall-klijenti biex jipprovdu aktar informazzjon.
Qalet, “Li kien sabiħ ħafna li apparti li għat-training ġew staff minn stabbilimenti varji, ġew ukoll nies mill-Management u mill-HR. Saru wkoll ħafna site visits biex ħloqna dan l-ispazju fejn ukoll insibu sensory friendly toys u noise cancellation headphones. Apparti minn hekk saru social stories ukoll biex dak li jkun, ikun ippreparat u l-esperjenza tkun iktar trankwilla kif ukoll isir ħafna awareness raising fejn saru ħafna leaflets apposta biex iqajmu iktar kuxjenza dwar l-awtiżmu.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli qalet li din l-inizjattiva għandha tkun ta’ mudell għal ristoranti oħra biex ukoll jiddedikaw żoni speċifiċi għal persuni bl-awtiżmu.
Qalet, “Dan il-proġett ta’ autism friendly places ikompli jieħu l-ħajja hekk kif issa ingħaqad l-ewwel ristorant f’pajjiżna li huwa compliant biex joffri dan l-ispazju aċċessibbli għall-persuni li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu.”
F’Malta hawn disa’ stabbilimenti li huma akkreditati bħala Autism Friendly; li huma l-Esplora, Gallarija Darmanin, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, l-Akkwarju Nazzjonali, il-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Mużew tal-Istorja Naturali, il-Festival Żigużajg, l-Eden Cinemas, u MZ Hairdressing & Education.