Il-biċċerija pubblika nediet programm kulturali fl-okkażjoni tal-Marsa bħala l-kapitali Maltija tal-Kultura għas-sena d-dieħla.
Bħala parti minn dan il-programm wara investiment li sar mill-biċċerija ser ikunu qed jirritornaw fuq il-platt Malti l-mazzit u l-kirxa.
L-uffiċjal responsabbli mill-Biċċerija, Stefan Cachia stqarr kif biex dan ikun possibbli kellu jsir investiment f’apparat ġdid li jagħmel il-proċess tal-ġbir tal-musrana u d-demm wieħed iżjed sigur u addattat biex isiru dawn il-prodotti tradizzjonali.
Qal, “Ridna nagħmlu riorjentazzjoni tal-proċessi li għandna ġewwa l-biċċerija b’mod li nkunu nistgħu nagħżlu dawn il-materja prima tagħhom b’mod illi ma tiġix ikkontaminata minn sorsi oħra tal-annimal, fosthom ovjament il-kirxa, parti mill-istonku li jinqata’ għalih u kif ukoll fil-każ tad-demm ikun jista’ jinġabar b’mod li huwa iġeniku.”
Cachia spjega kif l-programm huwa msejjes fuq tliet pilastri kulturali, li jingħaqdu flimkien fil-Biċċerija Pubblika, jiġifieri il-Wirt Industrijali, il-Wirt agro-gastronomiku, u l-lokalità tal-Marsa.
Il-programm ser jinkludi wkoll numru ta’ wirjiet b’rabta ma’ wirt kulturali industrijali, djalogu multi-kulturali bbażat fuq l-ikel, kif ukoll esibizzjonijiet kulturali u attivitajiet ibbażati fuq ikel tradizzjonali, il-laħam u prodotti oħra ta’ derivazzjoni agrikola.
Il-Ministru Anton Refalo stqarr kif l-għażla tal-Marsa bħala l-Kapitali Maltija tal-Kultura offriet opportunità tad-deheb biex ikun iċċelebrat il-wirt kulturali tal-Biċċerija bi storja ta’ 120 sena tintuża għall-istess skop.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera stqarr kif il-Kunsill Lokali tal-Marsa huwa testimonjanza ta’ kemm din l-inizjattiva tal-Kapitali Maltija tal-Kultura qed tħalli l-frott.
Spjega, “Ħa nuża l-frażi ingliża, l-Marsa ‘Bubbling’ b’attivitajiet kulturali, jekk hemm festa, jekk hemm baned, jekk hemm każini, jekk hemm Għid, jekk hemm il-Milied, issa għandhom Christmas Village wkoll, jiġifieri bubbling with Cultural events, u allura qed joħduha bis-serjetà ħafna.”