Tħabbar investiment ġdid fil-Biċċerija Pubblika, li se jwassal għal aktar diversifikazzjoni tal-produzzjoni lokali. Dan hekk kif, grazzi għal investiment f’impjant modern sentejn ilu sar possibbli li d-demm jinġabar b’mod iġeniku u konformi ma’ standards Ewropej, biex il-mazzit lokali reġa’ ħa l-ħajja wara 20 sena mindu sseħibna fl-Unjoni Ewropea.
B’investiment ta’ €100,000, li wettqet il-Biċċerija mal-privat, biex il-mazzit jinħadem fuq skala industrijali żgħira, raħħala, ħwienet jew proċessuri tal-laħam issa għandhom aċċess għal prodott lokali popolari maż-żmien fil-kċina Maltija.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, qal li, skont il-liġi, ħwienet tal-laħam li jipproduċu l-mazzit ma jistgħux ibiegħu lil negozji oħrajn u b’hekk dan il-prodott qajla seta’ jintuża.
Żied jispjega kif, permezz ta’ dan l-investiment u l-permess regolatorju miksub mill-Biċċerija, kull produttur tal-mazzit li jaħdem dan il-prodott fil-Biċċerija stess, jista’ jbiegħ minn kwalunkwe stabbiliment.
Intqal ukoll kif, fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena, kienu qed jiġu prodotti madwar 800 kilo ta’ mazzit fil-ġimgħa.
Id-Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika, Stefan Cachia, spjega kif l-għan aħħari ta’ dan l-impjant hu li jkun aċċessibbli għal min għandu n-negozju tiegħu.
“Dak li jkun, għal skopijiet ta’ negozju, jista’ jiġi hawnhekk u jagħmel il-mazzit, taħt id-direzzjoni u s-superviżjoni tagħna, f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment, kif ukoll testijiet ta’ natura xjentifika, biex niżguraw il-kwalità.”
Stefan Cachia, Director Ġenerali Biċċerija Publica
Il-Ministru Refalo kompla li dan is-servizz, flimkien ma’ oħrajn li tħabbru fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, qed juru l-ħeġġa tal-Gvern biex mhux biss jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni, iżda jiffaċilita l-proċess billi, b’mod kontinwu, iwettqu investimenti gradwali li jagħtu valur miżjud lill-prodotti agrikoli lokali.
“Għal darb’oħra, qed ngħinu lir-raħħala tagħna, fis-sens li qed niftħulhom orizzonti ġodda, swieq ġodda, biex huma jkunu jistgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom f’dinja li ta’ kuljum qed issir aktar kompetittiva.”
Il-Ministru Anton Refill