Daħal fir-raba’ jum tiegħu l-Malta International Food Festival, li qed jiġi organizzat bħalissa fi Pjazza Tritoni, fil-Belt Valletta.
Dan l-avveniment kulinarju qed jiġbed mijiet ta’ Maltin u turisti li qed jerħulha lejn il-kapitali sabiex iduqu ikel minn pajjiżi differenti, fosthom dak Malti.
Quddiem bankarella li minnha qed jiġi offfrut ikel Malti, Stefan Cachia, Direttur Ġenerali tal-Biċċerija Pubblika, tkellem dwar l-importanza li tingħata promozzjoni għall-prodott tradizzjonali u, fl-istess ħin, dawk preżenti jaraw kif tista’ tasal għal riċetti varji b’ingredjenti differenti.
“L-idea hija li nippromwovu kemm prodotti tradizzjonali Maltin – pereżempju wieħed jista’ jiġi hawnhekk u jduq il-mazzit, jista’ jduq il-galatina, li tinkludi, fost l-oħrajn, ingredjenti li għadna kemm inniedu kmieni din is-sena, li hija l-kirxa. Qed indewqu lin-nies li jżuru din il-Fiera Internazzjonali tal-Ikel, hawnhekk, fejn il-funtana tat-Tritoni, ġewwa l-Belt, numru ta’ prodotti li wieħed jista’ joħloq fil-kċina tad-dar, b’mod sempliċi, billi jutilizza prodotti lokali”
Huwa nnota li l-aktar prodott Malti li qed iqajjem interess fost it-turisti waqt din il-fiera huwa l-mazzit.
“Interessanti li, meta jiġu hawnhekk, x’qegħdin jagħmlu? Qegħdin iduquh. L-ewwel nett jistaqsuna x’inhu. Imbagħad iqabbluh, nidħlu f’diskussjoni magħhom biex niddiskutu l-varjetajiet bejn it-tradizzjonijiet kulinarji tagħna, b’mod speċjali l-mazzit Malti, li għall-kuntrarju tal-blood puddings, jew affarijiet oħra li jiġu mill-bqija tal-pajjiżi Ewropej, tagħna hu ħelu, magħmul biċ-ċikkulata, biz-zokkor, u biż-żbib, illi allura jagħmlu l-prodott kompletament differenti.”