Il-mażunerija qed tibqa’ kwistjoni ċentrali fil-kampanja għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Bis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista titlob lill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali, l-avukat Joe Borg, biex ineħħi d-dritt għall-vot tal-avukat ta’ Adrian Delia. Dan wara li l-avukat Arthur Azzopardi ammetta li kien membru ta’ loġoġ tal-mażuni u saħansitra kien ippubblikat ritratt tiegħu bil-fardal fuq Newsbook. Arthur Azzopardi hu wieħed mill-eqreb kollaboraturi ta’ Adrian Delia. Saħansitra fl-aħħar ġimgħat tkellem f’ismu bħala rappreżentant legali f’iktar minn okkażjoni waħda.
ONE NEWS jista’ jikkonferma li miegħu għadda wkoll sigħat fis-satra tal-lejl, iħejji d-difiża tiegħu minn akkużi li għandu quddiemu u anke biex tlestew libelli li kienu ppreżentati f’isem Delia.
Arthur Azzopardi qal li llum m’għadux membru tal-loġġa tal-mażuni u dan kien segwit bir-ritratt tiegħu ta’ meta kien membru.
Pubblikazzjoni fuq is-sit elettroniku tal-aħbarijiet tal-Knisja f’Malta li fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista wkoll qed tilgħab il-logħba. Anke jekk hemm xi interessi jiġbdu bnadi differenti. Wara dan kollu rreaġixxiet Rosette Thake bi stqarrija li qalet li l-Partit Nazzjonalista kien iddikjara l-mażunerija bħala kontra l-prinċipji u l-interessi tal-Partit Nazzjonalista. Saħansitra persuna membru f’loġġa titkeċċa mill-Partit Nazzjonalista. Kien għalhekk li Arthur Azzopardi tkeċċa u issa qed jingħad li s-Sibt mhux se jivvota.
Ir-rabtiet ta’ Adrian Delia ma’ persuni viċin il-mażunerija spiċċaw fl-aħbarijiet wara li Karol Aquilina, President tal-Kumitat Amministrattiv, qal li l-agħar ħaġa li tista’ tiġri lill-partit politiku kienet li jinħakem mill-mażunerija. Aquilina ma kienx sab il-kuraġġ jispjega kliemu.
Peró mbagħad ħareġ ritratt ta’ Adrian Delia ma’ żewġ attivisti kbar tal-Partit Nazzjonalista mill-Ħamrun li suppost kienu tkeċċew mill-Partit Nazzjonalista għaliex inqabdu li huma membri f’loġġa tal-mażuni.
Tkeċċija li mid-dehra ma kinetx effettiva għax baqgħu attivisti u saħansitra bid-dritt għall-vot fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għal Kap.
F’dan il-każ ukoll Rosette Thake talbet li isimhom jitneħħa minn dawk bid-dritt tal-vot u s-swaba’ ppontaw lejn l-Assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono li ħallihom fil-lista.
B’hekk ftit jiem qabel il-vot qed tissokta l-ġlieda ta’ min hu jew mhux mal-mażuni.