L-Uffiċċju tal-Matsec wieġeb għal diversi lmenti minn studenti li għamlu l-eżami tas-Systems of Knowledge u m’għaddewx. Fi stqarrija l-uffiċċju tal-Matsec kjarifika impressjonijiet żbaljati dwar kif wieħed għandu jħejji ruħu għal dan l-eżami u dwar il-proċess ta’ mmarkar.
Ftit tal-jiem ilu studenti li ma għaddewx mill-eżami tas-Systems of Knowledge ilmentaw dwar il-marki li ngħataw. Dan minkejja li fil-proġett, li jagħmel parti mis-sillabu u li jammonta għal totall ta’ 40% tal-marka totali, huma kienu ġabu marki tajbin ħafna.
Fi stqarrija il-Matsec qal li minkejja l-marka tajba fil-proġett, l-istudenti iridu jgħaddu wkoll mill-karta tal-eżami sabiex jgħaddu mill-eżami kollu.
F’ħarsa preliminari lejn l-istatistika dwar il-marki li nkisbu fl-erbgħa mistoqsijiet fil-karta tal-eżami, deher li ħafna studenti ħejjew ruħhom biss għal waħda jew tnejn minn dawn, b’riżultat li ma marrux tajjeb fil-bqija tal-mistoqsijiet.
Il-Matsec qalet ukoll li minn rapporti dwar kif marru l-istudenti li poġġew għal dan l-eżami, wieħed jista’ jinnota kif din is-sena l-istudenti marru agħar minn snin oħrajn. Dan jixhdu wkoll il-persentaġġ ta’ gradi F li nkisbu din is-sena. Persentaġġ li kien ogħla minn dak ta’ snin oħra.
Dan minkejja li b’differenza minn snin oħra, din is-sena tnaqqset ukoll il-marka li wieħed għandu jġib sabiex jgħaddi minn dan l-eżami.