Il-Prim Ministru tkellem dwar dak li allega l-Partit Nazzjonalista li m’hemmx biżejjed sigurtà fid-dokument tal-vot. Allegazzjoni li għamel il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami, f’konferenza tal-aħbarijiet.
“Jien infurmat li l-materjal li bih ġew mixtrija d-dokumenti kien approvat unaninament mill-Kummissjoni Elettorali,” qal il-Prim Ministru li nnota kif jekk hemm kwistjoni hija l-Kummissjoni Elettorali trid issolviha u m’hu se jkun hemm ebda dubju dwar id-dokumenti tal-vot. Tenna li żgur li l-Partit Laburista ma jridx dubji b’rabta mar-riżultat elettorali.
Joseph Muscat qal dan f’intervista f’Ħal Kirkop, fejn f’intervista saħaq li kulħadd għandu jkun sodisfatt li l-affarijiet qegħdin sew għalkemm appella lill-Oppożizzjoni biex ma tipprovax timmina l-kredibbiltà tal-Kummissjoni Elettorali li hija istituzzjoni kostituzzjonali.
Il-Prim Ministru qal li l-Kummissarji Elettorali nħatru miż-żewġ naħat u l-Kummissjoni għandha ssib soluzzjoni teknika jekk hemm xi kwistjoni.
Fuq kollox sostna li l-Partit Laburista se jkompli jitkellem “dwar fatti u dwar dawk li jaffetwa familji Maltin u Għawdxin.”