ll-korsiji kollha tal-Marsa-Ħamrun Bypass fid-direzzjoni mill-mini ta’ Santa Venera u l-Imrieħel lejn il-Marsa se jkunu kompletament magħluqin il-ħin kollu, għada s-Sibt 29 ta’ Settembru, sabiex Infrastructure Malta tibda tqiegħed l-aħħar saffi ta’ asfalt u ttemm il-proġett ta’ €5 miljun li beda aktar kmieni din is-sena f’din it-triq.
Għalhekk, il-pubbliku qed ikun imħeġġeġ biex juża rotot alternattivi mill-Imsida u l-Marsa (Triq Diċembru 13) jew minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi u Ħal Luqa, meta jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta. Il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-mini ta’ Santa Venera (Triq Reġjonali) għandha tiġi evitata wkoll, peress li l-ħruġ lejn il-Marsa-Ħamrun Bypass ser ikun magħluq u dawk li joħorġu f’din id-direzzjoni se jiġu mdawra lejn rotta alternattiva minn Ħal Qormi. Dawk li jkunu qed jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-Imrieħel Bypass, għandhom jużaw rotot alternattivi mill-Imsida jew minn Ħal Qormi wkoll, peress li l-konnessjoni għall-Marsa-Ħamrun Bypass ser tkun magħluqa.
Uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta ser ikunu fl-inħawi f’kull ħin sabiex jgħinu lil dawk li jkunu f’diffikultà. Is-servizz ta’ rmonk t’emerġenza ta’ Transport Malta f’każ li xi vettura tieqaf f’dawn l-inħawi jew fir-rotot alternattivi ser ikun disponibbli matul il-ġurnata kollha wkoll. Jekk ikun meħtieġ, dan is-servizz jista’ jintalab b’telefonata fuq il-linja t’emerġenza 8007 3399.
Ix-xogħlijiet mistennija jibdew kmieni s-Sibt, fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Il-karreġġjata tan-nofsinhar tal-Marsa-Ħamrun Bypass ser tingħalaq mill-ewwel, ħalli l-kuntratturi tal-aġenzija jkunu jistgħu jibdew iqiegħdu l-ewwel miż-żewġ saffi finali tal-asfalt f’wiċċ it-triq. Dan il-proċess jinvolvi aktar minn 28 siegħa ta’ xogħol ta’ kisi u rrumblar ta’ asfalt biex jitgħatta l-wiċċ kollu ta’ din il-karreġġjata bi tliet korsiji. It-triq terġa’ tinfetaħ il-Ħadd filgħodu.
L-istess karreġġjata, minn Santa Venera lejn il-Masra, tingħalaq mill-ġdid it-Tlieta bil-lejl, bejn is-19:00u l-05:00 tal-għada filgħodu, sabiex tingħata l-kisja finali u jitlesta x-xogħol kollu f’din il-karreġġjata. Xogħlijiet simili sabiex titlesta wkoll il-karreġġjata tat-tramuntana, fid-direzzjoni opposta, ser isiru aktar tard ix-xahar id-dieħel, bejn is-Sibt 13 u l-Erbgħa 17 ta’ Ottubru.
Permezz ta’ proġett ta’ €5 miljun li beda aktar kmieni din is-sena, il-Marsa-Ħamrun Bypass twessa għal sitt korsiji sabiex titjieb l-effiċjenza u s-sigurtà tal-konessjonijiet u toroq oħra li jingħaqdu ma’ din it-triq, filwaqt li jingħelbu għadd ta’ diffikultajiet li kienu qed itawlu l-ħinijiet tal-ivvjaġġar għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minn din ir-rotta bejn in-nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż. Dan l-investiment qed inaqqas il-ħinijiet tal-ivvjaġġar f’din it-triq b’42 fil-mija, filwaqt li jtejjeb il-kwalità tal-arja hekk kif jonqsu wkoll l-emissjonijiet ikkawżati mill-konġestjoni tat-traffiku.
Il-proġett tal-Marsa-Ħamrun Bypass, li jista’ jiġi konfinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, kien ippjanat li jitlesta f’April li ġej. Madankollu, il-korsiji ġodda u dawk mibnija mill-ġdid ta’ din l-arterja nfetħu għall-pubbliku l-ġimgħa li għaddiet. Infrastructure Malta qed tippjana li tlesti l-proġett f’Ottubru, xhur qabel oriġinarjament skedat.
Din il-ħidma tifforma wkoll parti minn investiment ta’ €14.2 miljun li Infrastructure Malta qed tagħmel bix ittejjeb ir-rotta ewlenija bejn in-nofsinhar u ċ-ċentru tal-pajjiż, minn Triq Aldo Moro fil-Marsa sal-mini ta’ Santa Venera u l-Imrieħel Bypass f’Santa Venera u Ħal Qormi. Dan l-investiment jinkludi wkoll żewġ proġetti oħra, fosthom it-tieni fażi tal-Marsa Junction Project, fil-konnessjoni tat-toroq ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata u l-bini mill-ġdid ta’ partijiet minn Triq Diċembru 13 u Triq Aldo Moro, li wkoll ser jitlestew f’Ottubru.
Flimkien, dawn it-tliet proġetti qed jiftħu aktar minn 15-il kilometru ta’ toroq ġodda jew mibnija mill-ġdid u għaxar konnessjonijiet bejn toroq differenti mtejba b’infrastruttura ġdida, sabiex inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar, iżidu s-sigurtà fit-toroq u jtejbu l-kwalità tal-arja fl-inħawi.