Din is-sena, Għawdex ra żieda ta’ 24% fit-turisti fl-ewwel sitt xhur tas-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra, dan filwaqt li skont l-aħħar statistika uffiċjali, l-ewwel kwart ta’ din is-sena pproduċa l-aktar andament b’saħħtu meta mqabbel ma’ snin preċedenti, fejn jidħlu wasliet ta’ turisti u l-iljieli li qattgħu fil-gżira.
Dan ħareġ waqt it-tnedija ta’ dehra aktar moderna tal-marka ‘Visit Gozo’, li issa saret sinonima mal-gżira, fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri.
Hawn, il-Ministru spjega kif dan ikompli jikkonferma x-xogħol siewi li qed isir biex Għawdex ikompli jiġi ppreżentat bħala destinazzjoni attraenti s-sena kollha.
Hu saħaq li, fl-isfond ta’ industrija turistika dinamika, il-fatt li d-destinazzjoni jkollha marka pertinenti, iwassal biex ikun hemm aktar għarfien u promozzjoni diretta ħalli taspira turisti jżuru Għawdex mhux biss għal żjara, iżda wkoll għall-esperjenza.
“Dan jawgura tajjeb biex nibqgħu nattiraw it-turiżmu, b’mod ovvju, inkomplu niffokaw u naraw li t-turiżmu li jiġi lejn din il-gżira jkun turiżmu ta’ aktar kwalità, li jonfoq aktar u b’inqas impatt fuq l-infrastruttura.”
Ronald Sultana, Direttur responsabbli mit-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru, ta spjegazzjoni dettaljata tar-rebranding tal-marka ‘Visit Gozo’ u s-sit elettroniku ġdid abbinat ma’ din l-istess marka.
“Kellna wkoll ir-redesign tal-websajt visitgozo.com li issa se jkollha aktar enfasi fuq l-esperjenza biex nattiraw turiżmu ta’ kwalità. Aħna għalina, fejn jidħol turiżmu ta’ kwalità, m’aħniex nużaw biss il-metrika tal-ekonomija, però qed inħarsu lejn turist li jfittex l-esperjenza lokali, li jirrispetta l-ambjent tal-madwar u jammira t-tradizzjonijiet u l-wirt storiku tal-gżira tagħna.”