Il-mard mentali fost it-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u immigranti qiegħed dejjem jiżdied. Hekk saħaq ma’ ONE NEWS il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali John Cachia waqt konferenza li trattat l-abbuż tat-tfal u ż-żgħażagħ:
“Nosserva dak li qed jiġri fuq mard mentali fost it-tfal u żgħażagħ. Dan qed ikun komuni fost il-Maltin u l-immigranti li jkunu għaddew minn xi trawma”.
Waqt din il-konferenza ta’ prevenzjoni, li hija mifruxa fuq jumejn u li għaliha qed jattendu numru ta’ professjonisti kemm fil-qasam tas-saħħa mentali, psikologi, Pulizija u anke ħaddiema li jaħdmu qrib it-tfal, Dr Cachia qal li ċertu abbużi li jkunu sfaw vittmi tagħhom it-tfal, jista’ jwassal biex it-trawma li jkunu għaddew minnha tiżviluppa f’mard mentali.
Il-Kummissarju għat-Tfal, Pauline Miceli, qalet li t-tfal huma l-aktar nies li jbatu f’każijiet ta’ separazzjoni. Hija semmiet kif episodji ta’ din ix-xorta qed iħallu riperkussjonijiet psikoliġiċi koroh fuq l-ulied li jkunu qegħdin jintużaw bħala arma mill-ġenituri sabiex jimpikaw ma’ xulxin:
“Xi kultant it-tfal jintużaw. Jiġġebdu mill-missier jiġġebdu mill-omm biex jgħidu kontra xulxin. It-tfal iħobbu liż-żewġ ġenituri, ħlief forsi meta jkun hemm trawma kbira kkawżata minn xi ħadd mill-ġenituri”.
Mistoqsija dwar x’jistgħu ikunu r-riperkussjonijiet, is-Sinjura Miceli qalet li din tiġi l-aktar innotata fl-imġiba tat-tfal:
“L-imġieba tagħhom turik meta jiġu abbużati. Jidhru mdejqin, ribeljużi żżejjed, jibdew jinġibdu, u tinduna li hemm xi ħaġa mhux f’lokha, li qegħdin ibatu xi forma abbuż”.
Minkejja li huwa fl-interess tat-tfal li javvanzaw f’ħajjithom, is-Sinjura Miceli saħqet dwar il-ħtieġa li ma jkunx hemm pressjoni żejda fuq it-tfal b’mod li tista’ taffettwalhom il-kuntentizza tagħhom.