Bejn id-19 u l-21 ta’ Lulju, il-pubbliku Malti hu mistieden li jżur id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi u jagħti l-appoġġ finanzjarju waqt il-Maratona tal-Volleyball li ssir kull sena, bis-sehem ta’ mijiet ta’ voluntieri.
Il-maratona għandha l-għan, flimkien ma’ attivitajiet oħrajn regolari, biex il-ħolma li kellu Dun Mikiel Azzopardi tkompli tħalli l-frott b’riżq ir-residenti tal-istess dar. Id-Dar tal-Providenza tħeġġeġ is-soċjetà tirrispetta dejjem il-persuni b’diżabilità, tittrattahom bid-dinjità li tixirqilhom u toffrilhom l-istess għażliet u opportunitajiet li qegħdin hemm għal kulħadd.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, madwar 70 atleta bdew sessjonijiet ta’ taħriġ li jinkludu atleti mill-14-il sena ’l fuq, uħud minnhom għall-ewwel darba, flimkien ma’ oħrajn li ħadu sehem f’għexieren ta’ maratoni matul is-snin.
Il-prestazzjoni tal-atleti matul il-programm ta’ taħriġ tiddetermina min minnhom jagħmel parti mill-grupp finali ta’ 40, li eventwalment jieħdu sehem fil-maratona ta’ 53 siegħa volleyball.
Ma’ dawn l-atleti jingħaqdu aktar minn 100 voluntier li huma importanti għall-andament tal-maratona.
Iltqajna ma’ waħda mill-plejers, Tasha Pace, u tlabniha tispjegalna s-sodisfazzjon li tħoss bis-sehem tagħha f’dan l-avveniment li ilha s-snin tieħu sehem fih.
“L-ewwel darba li ħadt sehem fiha kien meta kelli 14-il sena, issa kważi għandi ħamsin. Kont bdejt għax kont inħobb il-volleyball u once li għamiltha darba, qisni meta rajt għaliex qed nagħmluha, qisek you get hooked u bqajt nagħmilha dejjem”.
Pace spjegat għaliex tipprova tkun parti minn din il-maratona kull sena.
‘Ħaġa li mhux kulħadd jaf, il-ġenituri l-inkwiet tagħhom hu li jekk ma jibqgħux fid-dinja, ma jafux x’se jiġri mit-tfal tagħhom. Grazzi lid-Dar tal-Providenza, ħafna nies, dan l-inkwiet m’għandhomx aktar, huwa fatt stess għax qaluli missier ta’ tifel residenti, hemmhekk.”
Mad-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, tkellimna dwar il-bżonn għaliex wieħed għandu jagħti sehmu f’din il-maratona permezz tal-għotjiet ġeneruzi mingħand il-Maltin.
“Din il-maratona tal-volleyball issir kull sena biex niġbru l-fondi tant meħtieġa ħalli dar tkun tista’ toffri servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabiltà li għandhom bżonn dan is-servizz. Minbarra hekk qed nagħmlu attività sportiva li tinkoraġġixxi l-isports u l-attività fiżika.”