Hekk kif fl-24 ta’ April, għall-ewwel darba pajjiżna se tkun qed tigi organizzata il-maratona imsejħa ‘La Valette’, ONE NEWS segwa l-preparamenti li qed isiru sabiex jiġu ppjanati r-rotot tal-maratona u n-nofs maratona.
L-għan ta’ din il-maratona huwa li tiġi msaħħa in-niċċa turistika sportiva u tħeġġeġ aktar l-attività fiżika u sportiva fost il-poplu Malti u Għawdxi.
Din il-maratona li se tkun qed tfakkar l-kisbiet tal-Gran Mastru La Valette f’ Malta, se ssir bl-iskop li atleti li mhumiex maltin jitħajjru jipparteċipaw f’din il-manifestazzjoni sportiva u b’hekk aktar nies ta’ etajiet differenti jieħdu sehem f’inizjattivi sportivi ta’ livell internazzjonali.
Atleti Maltin u oħrajn minn madwar id-dinja mistiedna jieħdu sehem f’din il-maratona. Il-maratona kollha tkopri tnejn u erbgħin kilometru filwaqt li ser issir ukoll in-nofs maratona. Tkellimna ma’ Dillon Cassar li ħa jiġri in-nofs maratona li qalilna li tħejjijiet min-naħa tiegħu qegħdin fl-aqwa tagħhom.
Cassar tenna, ‘Mela għandek bżonn tiprepara ruħek sewwa skont x’livell tkun ovjament, tieħu ħafna ħin jġifieri għandek mill-inqas tliet xhur preparazzjoni għall-maratona, skont liema distanza tagħmel. Jiena bħala atleta ħa nieħu sehem fil-half marathon, jien għandi national record ta’ Malta, ksirtu darbtejn din is-sena u nippruvaw niġu viċin’
F’din il-maratona jistgħu jieħdu sehem kemm atleti professjonali u anke dawk dilettanti ta’ dan l-isport jew li għadhom kif meddew l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tal-atletika.
L-eks atleta Euchar Camilleri faħħar din l-inizjattiva sportiva internazzjonali.
Huwa stqarr, ‘Il-korsa nixtieq nifraħ lill-organizatturi hija korsa mill-isbaħ, spettakolari, panoramika, storika kif jisimha t-tellieqa fl-aħħar mill-aħħar. Nixtieq ħa nagħmilha jien nerġa, imma issa too late. Però dan l-eżerċizzju issa se jagħmel din it-tellieqa waħda internazzjonali. Ħa jtiha ċertifikat internazzjonali u jekk jinkiser xi rekord dan ikun rekord rikonoxxut mill-World Athletics.’