Għal sena oħra, u għar-raba’ sena konsekuttiva, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tappoġġja l-Maratona La Valette.
Din il-maratona tattira lejha livelli differenti ta’ atleti, fosthom għall-full u l-half marathon, iżda wkoll maratoni ta’ distanzi aktar qosra.
Fl-aħħar edizzjoni ta’ dan l-avveniment, f’Marzu li għadda, ħadu sehem ’il fuq minn elfejn atleta, u aktar minn elf u erba’ mitt persuna ġew Malta biex jagħtu s-sapport lil qrabathom jew sħabhom, waqt li jgawdu vaganza f’pajjiżna.
Matthew Pace, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija li torganizza l-avveniment, qal li din l-attività mhux biss isservi ta’ vetrina tas-sbuħija ta’ pajjiżna, imma tesponi wkoll l-istorja rikka li sawret lil Malta.
Dwar dan tkellima mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef.
“Waħda min-niċeċ li qegħdin naraw li ġġibilna turiżmu addizzjonali fix-xhur tax-xitwa huma l-avvenimenti sportivi, fejn it-turist jiġi biex jara, biex ikun spettatur, u hemm oħrajn biex jipparteċipaw. Bħala spettatur tista’ tgħid kellna l-waterpolo finals il-ġimgħa l-oħra, però din il-maratona ġġibilna mit-tnejn – iġġibilna atleti li jiġu biex jipparteċipaw kif ukoll jiġu ħbieb u familjari bħala supporters biex jieħdu holiday waqt li l-maħbubin tagħhom ikunu qegħdin jipparteċipaw.”
L-edizzjoni li jmiss ta’ din il-maratona se ssir nhar il-Ħadd 23 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.