Mill-Ġimgħa 12 ta’ Lulju sal-Ħadd 14 ta’ Lulju li ġejjin, se tirritorna l-maratona b’riżq il-missjoni mill-istudios taċ-CPi Media f’Santa Venera. Din se tkun it-tnejn u għoxrin edizzjoni tal-attività, li tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha televiżivi, inkluż ONE, u għandha l-għan li tiġbor fondi favur il-ħidma tal-missjunarji Maltin imferrxin madwar id-dinja.
Għal ħafna snin, missjunarji Maltin ħadmu ma’ familji f’faqar estrem fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini, u li, ma kienx għal dawn il-patrijiet qalbiena, kienet tkun diffiċli ħafna għalihom biex jgħixu b’dinjità.
Dan kollu kien u jista’ jibqa’ jkun possibbli grazzi għad-donazzjonijiet ġenerużi li l-Maltin u l-Għawdxin jagħmlu proprju fil-maratona ‘Oħloq Tbissima’, li din is-sena se jkollha t-tema wkoll ‘Agħti l-Imħabba!’, u dejjem urew il-qalb kbira li għandhom, anke għal dawk ferm lil hinn mix-xtut ta’ pajjiżna.