Nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu, għal darb’oħra Missio Malta ser tkun qed torganizza l-maratona annwali tagħha biex tiġbor fondi għall-proġetti li twettaq fil-pajjiżi tal-Missjoni.
Din il-maratona li għandha t-tema ‘Inti tista’ tgħin’, se tkun imxandra live bejn il-11 ta’ filgħodu u l-11 ta’ bil-lejl, fuq is-sit ta’ TVM kif ukoll fuq l-istazzjonijiet ONE, NET, F Living TV, u Xejk TV.
“Il-Maratona ta’ Missio reġgħet magħna, u erġajna qed inħejju biex intellgħu maratona ta’ ġbir ta’ fondi li hija kruċjali għall-operat ta’ Missio Malta. Dan għax f’dawn it-tnax-il siegħa, Missio tiġbor parti sostanzjali mill-fondi neċessarji sabiex tkompli twettaq u tiffinanzja proġetti important fil-pajjiżi tal-Afrika, l-Asja u l-Amerika t’Isfel,” stqarr Robert Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta.
“Din is-sena ser inkomplu inlaqqgħu lill-membri tal-pubbliku u lill-benefatturi, ma’ iktar stejjer li jixħtu dawl fuq il-bżonnijiet bażiċi ta’ dawn in-nies u kif nistgħu indawruhom f’suċċessi, permezz tal-ħidma ta’ Missio.”
Stejjer bħal ta’ Fiona u Catherine, li huma żewġt aħwa tewmin ta’ ħames snin li jgħixu fl-Uganda. Ilvillaġġ li jgħixu fih ma għandux aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb għalhekk ta’ kuljum, flok imorru liksola iridu jimxu kilometri sħaħ biex jiksbu l-ilma. U dan mhux dejjem ikun tajjeb għax-xorb għax spiss ikun infettat, u jġib ħafna mard u tbatija miegħu. Missio Malta qed tiġbor fondi biex twettaq proġett ta’ borehole qrib il-villaġġ u l-iskola ta’ Fiona u Catherine, biex ma jkollhomx għalfejn jaħlu nofs ġurnata mixjin għall-ilma, u jkunu jistgħu jibdew jattendu l-iskola, kif jixraq lit-tfal kollha.
“L-appell tagħna għall-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin, sabiex jgħinu lil Fiona u Catherine flimkien ma’ eluf ta’ tfal oħra mxerrda madwar id-dinja huwa ħaj iktar minn qatt qabel. Irridu nkomplu nwettqu lġid ma’ dawk l-iktar li jeħtieġu l-għajnuna tagħna,” temm jgħid Robert Farrugia.
Waqt il-Maratona, iżda anke fil-jiem ta’ qabel u ta’ wara, Missio Malta qed tilqa’ d-donazzjoni permezz ta’ wieħed minn dawn il-mezzi ta’ hawn taħt: BOV Mobile Pay –77236962 / CALL – 51802064 – €25 / CALL – 51902061 – €50