Carmen Abela, il-vittma tal-qtil doppju fil-Marsa aktar kmieni dan ix-xahar, ċemplet lill-Pulizija biex tirrapporta li hi u s-sieħeb tagħha, Joe Bartolo, kienu qed jiġu attakkati minn raġel li kien wara l-bieb.
Fl-isfond ta’ din it-telefonata beda jinstema’ għajjat, segwit minn silenzju u wara waqgħet il-linja.
Dan ħareġ mix-xhieda li ta l-Ispettur Kurt Zahra mill-Iskwadra tal-Omiċidju, hekk kif dalgħodu bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Faisal Iddrisu ta’ 34 sena mill-Ghana, li jinsab mixli bil-qtil doppju ta’ Bartolo u Abela f’razzett fil-Marsa.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Zahra qal li meta nstab il-katavru tal-vittma, hi kienet qed timblokka l-bieb u kellha l-mowbajl f’idejha.
L-Ispettur Zahra kompla jixhed li ħu Carmen Abela qal li, sa xahar qabel, oħtu kienet gergret miegħu li xi nies, li kienu qed jgħixu magħha, ma kinux qed iħallsu l-kera. Hu żied jgħid li dakinhar tal-każ, Carmen kienet ċemplet lil oħtha biex tmur fuq il-post fil-Marsa, għax kien hemm raġel li qed jaggredihom.
Hu spjega li d-delitt seħħ fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa, fejn raw lill-akkużat b’ħadida kbira f’idu, bolt cutter u qisha tnalja kbira, u raġel ieħor li pprova jeħodlu l-ħadida minn idu. Hu kompla jixhed li l-Pulizija kienu raw li r-raġel bil-ħadida f’idu kien qabeż grada fil-viċin, filwaqt li raġel l-ieħor kien bil-qegħda fuq bankina.
Surġent mill-Għassa tal-Ħamrun ġiet informata li l-persuna bil-ħadida f’idejh, kien aggredixxa żewġ persuni. Is-Surġent daħlet fir-razzett fejn sabet żewġ persuni bla ħajja. Hawn ir-raġel kien ġie arrestat, minkejja li baqa’ joffri reżistenza, fejn anke kellu jintuża t-taser gun.
Hu kompla jixhed li, minbarra ż-żewġ vittmi, innota żewġ persuni oħrajn, mara u raġel Niġerjani, li allegaw li ġew aggrediti mill-akkużat.
Fuq il-pedana tax-xhieda, l-Ispettur Zahra qal li l-għada tal-inċident, Faisal ġie rilaxxat mill-isptar, minħabba li kien qiegħed hemm għall-osservazzjoni, u ġie eskortat għal-lock-up tal-Pulizija.
L-Ispettur xehed li, għall-ewwel, l-akkużat ma kkoperax minħabba li kien hemm kwistjoni dwar kif se jikkomunikaw miegħu minħabba l-lingwa. Mal-wasla tal-avukat tiegħu fid-Depot, l-akkużat beda jinstabat mal-art, u kawża t’hekk ma ġiex interrogat. L-Ispettur kompla, iżda, li l-akkużat kellu jitressaq il-Qorti għax kien se jiskadilu l-perjodu ta’ 48 siegħa.
Wara x-xhieda tal-Ispettur, xehdet deputat reġistratur tal-Qorti li ppreżentat il-proċess verbali tal-inkjesta maġisterjali.
Il-każ se jkompli jinstema’ għada.