Catherine Farrugia, il-mara ta’ George Farrugia li ngħata l-proklama biex jixhed is-sewwa fil-każ ta’ tixħim fil-kuntratti taż-żejt fi żmien Gvern Nazzjonalista, eżerċitat id-dritt li tibqa’ siekta fil-Qorti. Dan meta fil-Qorti ntqal li hija ħarġet invoices illeċiti mingħajr l-għarfien tad-diretturi tal-kumpanija.
Dan meta kompiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace fil-konfront tal-ħames aħwa Farrugia, li jinsabu mixlija li taħt Gvern Nazzjonalista xaħmu uffiċjali tal-Gvern, f’dak li huwa magħruf bħala l-iskandlu taż-żejt.
Ħuhom, George Farrugia ngħata l-maħfra Presidenzjali fl-2013, meta ħareġ li kien hemm network ta’ tixħim fosthom mal-eks Chairman tal-Enemalta, Tancred Tabone u l-imprendituri Anthony Cassar u Francis Portelli. F’dan il-perjodu, George Farrugia kien imexxi l-kumpanija ‘Powerplan’.
Fil-Qorti, Catherine Farrugia qalet li hija ma kinitx impjegata fil-kumpanija ta’ żewġha, iżda kienet tagħmel xi xogħol b’mod volontarju.
Hija qalet li l-kumpanija ta’ żewġha kienet involuta fis-suq tal-lubrikanti, il-petrol u ż-żejt.
Fil-Qorti qalet li ma kinitx taf bil-qbil li kellha l-kumpanija ta’ Farrugia mal-kumpanija ‘Total’ u kumpaniji oħra barranin.
Qalet li kienet tara l-kelma ‘Total’ fuq fliexken tal-lubrikanti.
Hija qalet ukoll li meta kienet tagħmel l-invoices, kien ikollha struzzjonijiet minn żewġha jew minn xi nies oħra.
Fil-Qorti, Catherine Farrugia għarfet l-invoice tal-kumpanija ‘Trafigura’. Qalet li din kienet kumpanija li taħdem fiż-żejt.
Qalet ukoll li taf li żewġha kien involut fil-każ, iżda ma tafx b’ħaddieħor li kien involut fin-negozju.
Meta mistoqsija dwar n-negozjati fl-Iżvizzera, Catherine Farrugia qalet li żewġha kien javzaha li se jsiefer, jum qabel.
Qalet li hu kien jgħidilha li se jiltaqa’ mal-impurtaturi u qatt ma semma banek, waqt li qatt ma tkellem fuq kont tal-bank f’dan il-pajjiż.
Ritratt: MaltaToday