Clemence Dujardin, mart il-blogger u eks kap tas-Segretarjat tal-Ministru Austin Gatt Manuel Delia ħabbret li rriżenjat mill-għaqda mhux governattiva Occupy Justice.
F’messaġġ qasir li tellgħet fuq il-profil tagħha ta’ Facebook tard il-Ħadd filgħaxija, Dujardin li kienet waħda mill-attivisti ewlenin ta’ Occupy Justice ħabbret li kienet qed tirriżenja mill-istess għaqda. Hija qalet li kienet qed tagħmel dan għal raġunijiet personali. Żiedet tgħid li l-attivisti ta’ Occupy Justice għad fadlilhom ħafna battilji x’jiġġieldu.
Ir-riżenja ta’ Dujardin wasslet ftit tas-sigħat wara li d-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li waħda min-nisa li tmexxi din l-organizzazzjoni diġà kellha każ ta’ misapproprjiazzjoni ta’ fondi pubbliċi minn entità governattiva.
Qal li dan il-każ qatt ma resaq il-Qorti fi żmien il-Partit Nazzjonalista, iżda din l-attivistà kienu keċċewha mix-xogħol.
Ir-riżenja tagħha waslet ukoll f’anqas minn ġimgħa mindu whistle blower żvelat li kienet irriżenjat minn Occupy Justice wara li ntalbet tiġbor fondi waqt attivitajiet tal-Occupy Justice fosthom waqt vġili li jsiru għal Daphne Caruana Galizia.
Il-whistle blowersostniet li eluf ta’ ewro li qed jinġabru mingħajr ma jingħata rendikont ta’ xejn huma frott ta’ azzjoni illegali.
Hija żiedet tistaqsi jekk hemm politiċi jew partit politiku li qed jagħti donazzjonijiet kbar ta’ flus inidirizzati lil Occupy Justice.
Intant meta mistoqsija minn ONE NEWS, Pia Zammit, il-kelliema ta’ Occupy Justice ma ċaħditx l-allegazzjonijiet serji li għamlet il-whistleblower fosthom li qed jinġabru flus b’mod illegali.
Mill-istħarriġ li għamilna rriżulta wkoll li Occupy Justice naqset milli tirreġistra mal-Kummissjoni Għall-Għaqdiet Volontarji. Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għall-Għaqdiet mhux Governattivi Dr Anthony Abela Medici kkonferma ma’ ONE NEWS li huwa obbligu li l-għaqdiet jirreġistraw inkella jkunu qed jiksru l-liġi.