Il-gazzetta Kulħadd tkellmet ma’ Ann Calleja, direttur nazzjonali ta’ Special Olympics Malta u li tant taħdem biex tfal u żgħagħ b’diżabiltà jikkompetu b’mod normali ma’ oħrajn f’diversi dixxiplini tal-isport waqt li jkollhom l-istess drittijiet. Dan bil-għan li d-diżabiltà ma tippreżenta l-ebda xkiel fl-isport.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport u kont tipprattika xi sport qabel?
Iva, minn ċkuniti kont inħobb l-isport fuq it-televiżjoni. Imbagħad bdejt nitħarreġ l-iskola u l-ewwel kompetizzjoni tiegħi barra minn Malta kienet fil-FISEC Games. Kont mort nirrappreżenta lil Malta ħames darbiet u kont akkwistajt midalja tad-deheb, tnejn tal-fidda u waħda tal-bronż. Kienu fl-atletika. Kont nipprattika s-shot put u d-discus. Però l-karriera tiegħi kienet aktar ta’ suċċess meta bdejt nilgħab il-basketball. Kont dejjem magħżula mat-tim nazzjonali u kelli l-opportunità li nilgħab barra. Kienet ta’ suċċess kbir, però mbagħad iddeċidejt li nieqaf meta kont għadni fl-aħjar tiegħi għax ma kienx hemm dik il-kompetizzjoni li xtaqt jien.
Semmejt l-esperjenza tiegħek barra minn Malta fil-basketball. Tista’ tirrakkontahieli?
Darba kont tlajt nilgħab mat-tim nazzjonali Malti u kien hemm tim Taljan li riedni nagħmel trial miegħu. L-ewwel darba ma kinitx irnexxiet, però t-tieni darba kont tlajt waħdi u għamilt din l-esperjenza waħdi magħhom għal sitt xhur.
X’inhi l-ħidma tiegħek bħala Direttur tal-Ispecial Olympics u x’inhi l-ħidma li tagħmlu?
L-Ispecial Olympics hija għaqda li tipprovdi sports u taħriġ għal nies b’diżabilità intellettwali. Ilha mwaqqfa issa għal 17-il sena u jien bdejt meta kienu talbuni biex nikkowċja. Bdejt bħala kowċ u kont nikkowċjahom l-atletika u dak li jkun hemm bżonn. Konna nsifruhom biex jikkompetu u jirrappreżentaw lil pajjiżna u minn hemm kompliet tikber l-imħabba lejn dawn il-persuni b’diżabilità.
Għalkemm jien kont diġà ngħallem lil persuni b’diżabilità fl-iskejjel tal-gvern, għalija din kienet sfida iebsa. Trid tara li tinżel għal-livell tagħhom u tagħti l-għajnuna li tista’.
Id-diżabilità trid tkun intellettwali biss jew tista’ tkun fiżika?
Jista’ jkollok diżabilità fiżika wkoll, però biex tikkompeti fl-Ispecial Olympics irid ikollok diżabilità intellettwali. Din tista’ tkun żgħira u tista’ tkun severa. Imbagħad jekk ma jkollokx diżabilità intellettwali imma jkollok diżabilità fiżika (anki jekk tkun minima ħafna), l-atleta jikkompeti fil-Parolympics. Jista’ pereżempju jkollu xi amputazzjoni ta’ jdejn. Jiġifieri l-Ispecial Olympics u l-Parolympics mhumiex l-istess ħaġa. Fil-Parolympics imorru aktar għall-elitiżmu, imorru aktar għal ħinijiet fenominali, mentri l-Ispecial Olympics taċċetta kull livell ta’ atleti.
Kif komplejt tevolvi bħala Direttur tal-Ispecial Olympics? Kemm ilek?
Kont ġejt appuntata minn barra. L-akkreditazzjoni trid toħodha minn barra u mhux minn Malta. Kienu qaluli biex nibda mmexxi l-Ispecial Olympics b’mod aktar professjonali. Meta dħalt għal din l-isfida ridt li naqta’ figura tajba u li nilħaq livell għoli.
S’issa tajna servizz lil aktar minn 800 atleta u għandna mill- età ta’ tliet snin ’il fuq. Għandna l-Young Athletes’ Programme li huwa programm b’saħħtu ħafna. Ngħallmuhom ħiliet fundamentali u li jiġu u jieħdu gost bil-logħob li noffrulhom, anki jekk ikollhom id-diżabilità u l-kundizzjonijiet tagħhom.
L-età ta’ tliet snin hija l-opportunità biex jibdew jitħarrġu?
Huwa l-mument opportun għax tfal ta’ tliet snin għandhom bżonn aktar taħriġ fil-moviment tagħhom. Għandhom bżonn aktar sens ta’ sigurtà. Ovvjament mhumiex se jibdew bil-ballun f’saqajhom jew bil-paletta tat-table tennis. Jibdew jitgħallmu, pereżempju kif jimxu dritt, il-bilanċ, jitilgħu u jinżlu t-taraġ. Ma rridux ninsew li persuna b’diżabilità tieħu aktar żmien biex il-mobbiltà tagħha tkun żviluppata sew.
X’inhi r-relazzjoni tal-Ispecial Olympics Malta ma’ Special Olympics Europe?
Special Olympics Malta hija għaqda li kulħadd jaf fejn qiegħed magħha. Jafu kemm nieħdu l-affarijiet bis-serjetà u dan huwa dovut ukoll għas-sehem tal-ġenituri. Hemm interess kbir. Meta nagħmlu t-taħriġ, il-ġenituri jġibuhom għandna biex jieħdu s-servizz. Hawn Malta organizzajna wkoll konferenza kbira tad-diretturi tal-Ewropa. Ix-xahar id-dieħel se nkunu qed norganizzaw seminar tal-Ewropa tal-bowling. Għandna kuntatt tajjeb mal-Ewropa u fil-fatt din is-sena se nsiefru lit-tim tal-boċċi l-Latvja u t-tim tal-futbol (kemm irġiel kif ukoll nisa) Spezia.
X’inhi r-relazzjoni mal-Kumitat Olimpiku Malti u x’għajnuna ssibu?
L-Ispecial Olympics hija għaqda maqtugħa għaliha kompletament mill-Kumitat Olimpiku Malti. Ovvjament nixtiequ li jkun hemm aktar partnership mal-Kumitat Olimpiku Malti għax inħossu li nistgħu nagħtu sehemna u nistgħu nagħtu l-ideat tagħna.
Finanzjarjament kif tfendu?
Dawn l-aħħar tliet snin l-istorja kienet kompletament differenti minn qabel. Sibna ħafna bibien miftuħin u sibna lil min jismagħna. Sibna min jifhem il-problemi u min japprezza x-xogħol tagħna.
Qed tirreferi għall-ogħla awtoritajiet governattivi?
Iva, qed nirreferi għall-Gvern, għall-Marigold Foundation immexxija minn mart il-Prim Ministru s-Sinjura Michelle Muscat. Hija wkoll il-President tal-Ispecial Olympics Malta. Is-Sinjura Muscat wegħditna li se tagħti sehemha u ma tagħtix sehemha biss bil-fondi li jagħtu Marigold Foundation, imma sehemha tagħtih bl-ispirtu tagħha meta tkun preżenti. Tissapportja lill-familji u lit-tfal u taqsam l-emozzjonijiet magħna. Tieħu gost meta ssib għaqdiet li qed jifhmu l-utilità tal-inklużjoni u li jafu li dawn it-tfal għandhom bżonn ikunu integrati u jingħataw l-opportunitajiet li jkollhom nies oħra. L-Onorevoli Chris Aguis din ukoll fehemha u tana s-sapport tiegħu flimkien ma’ Luciano Busuttil u flimkien maċ-Chairman Mark Cutajar. Fehmu li rridu nagħtuhom l-attenzjoni imma nġibuhom fuq quddiem u mhux inħalluhom fuq wara. L-atleti tagħna dejjem ġabu riżultati sbieħ u r-riżultati ma jġibuhomx biss għax imorru jipparteċipaw imma għax ikunu ġġieldu għal dak ir-riżultat. Aħna nagħtuhom l-aħjar li nistgħu iżda biex tagħtihom l-aħjar apparat, l-aħjar faċilitajiet, u ssifirhom, għandek bżonn il-finanzi.
Intom tħallsuhom?
Iva, aħna nħallsuhom u noħorġu l-fondi kollha. Il-ġenituri ma joħorġu xejn. Però meta jkollok l-għajnuna mill-awtoritajiet, il-ħajja tagħna tkun eħfef. Lis-Sinjura Muscat, imbagħad aħna ngħinuha wkoll biex tkun tista’ tagħmel l-għawma annwali tagħha. Mhix għawma ħafifa. Tittrenja tliet darbiet fil-ġimgħa u tagħmel taħriġ intensiv. S’issa għamlitha darbtejn u l-fondi jmorru għall-Marigold Foundation, li mbagħad aħna nkunu waħda mill-għaqdiet li nibbenefikaw minn xi fondi.
Flimkien mas-Sinjura Muscat, anki l-Onorevoli Prim Ministru Joseph Muscat kien darba qatta’ 20 siegħa jaħdem f’esperjenza volontarja.
Kienet esperjenza sabiħa, kien hemm ix-xogħol li jrid isir u sar jaf xi kwalità ta’ xogħol irridu nagħmlu. Xogħolna huwa proċess sħiħ. Għandek proċess biex tirreġistra atleta, li fih għandek it-tabib, u xogħol li fih trid tiddaħħal informazzjoni privata li rridu nirreġistrawha f’software apposta tal-Ispecial Olympics Malta u wara tintbagħat barra minn Malta. Inkella l-atleta ma tkunx tista’ tikkompeti. Dr. Muscat kellu mumenti fejn ħadem fl-uffiċċju biex idaħħal din l-informazzjoni, u anki ta s-sehem tiegħu fil-gym fejn qatta’ l-ħin iħarreġ lit-tfal b’eżerċizzji differenti.
Semmejt xi dixxiplini sportivi li tieħdu sehem fihom, ngħidu aħna l-boċċi. Tista’ ssemmi xi riżultati sbieħ li ġibtu f’dan l-isport?
Aħna, meta kkompetejna fil-World Games ġewwa Los Angeles, ġibna kważi 35 midalja tad-deheb. Ġejna fit-tmien post, dejjem skont ir-ratio tal-atleti li kkompetew għax pereżempju l-Amerka kellhom madwar 400 mitt atleta jieħdu sehem, filwaqt li aħna kellna 35 atleta. Il-midalji sbieħ li ġibna kienu fl-għawm, fl-atletika, fil-boċċi, fil-bowling, fit-table tennis u anki fil-ġinnastika.
Għandna saħansitra atleta minn tagħna, Ann Marie Bugeja, li tmur l-iskola tal-isport. Kienet l-ewwel tifla li daħlet fi skola bħal din. Għandna wkoll atleti li jikkompetu mal-mainstream. Għandna champion fil-bowling li ma tantx jissemma, li hu Philip Gruppetta li hu ċ-champion tal-Under 23 ta’ Malta. Dan huwa atleta tal-Ispecial Olympics Malta u jilgħab fl-ewwel diviżjoni fil-kampjonati nazzjonali ta’ Malta flimkien ma’ atleti oħra. Hemm atleti oħra li tilgħin u li għandhom potenzjal. Nixtieq insemmi atleta ieħor li tiela’ l-Awstrija ma’ wieħed mill-istudenti tal-Università. Dan għandu jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ żgħażagħ oħra tal-Ispecial Olympics u jgħid xi jfisser għalih l-Ispecial Olympics.
Ikun hemm min ma jaċċettax id-diżabilità tiegħu u jirrifjuta li jikkompeti fil-Parolympics jew fl-Ispecial Olympics, u jkun irid jikkompeti fil-mainstream?
Iva, għad hawn, anki ġenituri, li jemmnu li t-tfal tagħhom m’għandhomx diżabilità jew kundizzjoni u jibqgħu jinsistu li jkunu jriduhom ma’ tfal oħra jikkompetu fil-mainstream. U din hija ħasra, għax anki int, wara ftit tibda tinduna li fiżikament m’intix qed tlaħħaq magħhom u jispiċċaw jieqfu u jintefgħulek id-dar ma jagħmlu xejn. Jew inkella xorta jmorru għat-taħriġ imma qegħdin dejjem pass jew tnejn lura. Jien ġieli kellmuni klabbs u qaluli li għandhom xi tfal li jekk jingħaqdu mal-Ispecial Olympics ikunu jistgħu jieħdu u jingħataw ħafna aktar milli kieku jkunu mal-klabb tagħhom. Meta għandek kowċ li jrid imexxi lill-klabb f’livelli ogħla, għalkemm ma jfissirx li ħa jinsa lil dawn it-tfal, ovvjament ikun irid jaħdem u jibqa’ għaddej bis-sessjoni tiegħu ta’ kuljum. L-akbar problema però mhijiex tal-kowċ għax dan xorta jagħti kas lil dawn it-tfal, imma tal-ġenituri li jibqgħu jiċħdu li t-tfal tagħhom għandhom xi tip ta’ diżabilità.
Barra minn hekk, kowċ irid ikun kapaċi jmur ma’ atleti li jkollhom diżabilità u forsi mhux dejjem ikun kwalifikat biżżejjed biex imur kif suppost magħhom. Mal-Ispecial Olympics, hemm garanzija li l-attenzjoni se tingħata kif suppost għax għandna nies imħarrġa apposta għal dan u skont il-kundizzjoni x’inhi. Dejjem trid taddatta għall-atleta skont il-kundizzjoni tagħha biex tifhem aħjar.
Inti full-timer fi ħdan Special Olympics?
Iva. Jien xogħli proprja huwa ta’ għalliema imma issa qiegħda full-timer mal-Ispecial Olympics Malta. M’hemmx ħinijiet. Tibdieh minn filgħodu u kważi tieħdu miegħek id-dar għax il-ġenituri m’għandhomx ħinijiet tal-uffiċċju fi xħin iċemplu. Trid tismagħhom meta jkun hemm bżonn. Trid tifhimhom u tgħinhom meta jkun hemm bżonn. Forsi huma jkollhom bżonn jitkellmu f’dak il-mument li jċemplu, u mhux f’ħin ieħor.
Fil-kompetizzjonijiet tagħkom x’inhu l-aktar importanti, li jintrebħu l-midalji jew li persuna tieħu sehem?
L-aktar ħaġa importanti hi li persuna tipparteċipa. Li tikkompeti jiġi l-ewwel, u fl-aħħar mill-aħħar, jekk jirnexxilhom jirbħu midalja huwa bonus. Fiċ-ċerimonja tal-midalji, min jiġi l-ewwel, it-tieni u t-tielet jingħata midalja kif imdorrijin naraw, imma l-kumplament tal-atleti jitilgħu fuq podium u jingħataw midalja differenti talli pparteċipaw.
U din ikun hemm min ma jaqbilx magħha…
Hemm raġuni għaliha din. Tal-anqas għandek xi ħaġa li turi li int ipparteċipajt. Però l-midalja tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet kulħadd ikun iridha. Taħsibx li l-atleti tagħna jitilgħu jipparteċipaw u ma jagħtux kas li ma rebħux din il-midalja. Hemmhekk nindunaw kemm l-atleti tagħna jafu x’inhi kompetizzjoni għax jagħtu l-almu kollu tagħhom mingħajr biża’.
Illum kulħadd jitkellem favur l-ugwaljanza. Però meta nitkellmu fuq persuni b’diżabilità jkun hemm ċertu diskriminazzjoni pożittiva. Din x’effett tħalli?
Jiddependi d-diżabiltà x’inhi. Jekk ikun hemm persuna li jekk tistenna fil-kju jista’ jagħtiha tantrum jew tkun frustrata, jew tagħtiha fit, hemmhekk nemmen li trid taqbeż il-kju. Però jekk persuna dan kollu ma jaffettwahiex u tkun kapaċi tistenna bħal ħaddieħor fil-kju, m’għandhiex titqabbeż il-kju. Ma tistax titfa’ lil kulħadd f’qoffa waħda. Hemm min japprofitta ruħu. Imbagħad dwar l-argument tal-midalja li tingħata lil persuna b’diżabilità li ma pparteċipatx, jiena ma naqbilx magħha. Jiena tal-fehma li jekk l-iskejjel f’jum l-isports ma jinkludux lil persuni b’diżabilità fl-attivitajiet li jsiru, żgħar kemm huma żgħar, diġà sar żball. Meta jien kont ngħallem, kont ninkludi lil persuni b’diżabilità kollha, hi x’inhi d-diżabilità. Aħna fil-fatt għandna programmi li jinkludu lil dawk li ma jkunux jistgħu jikkompetu bħall-oħrajn. L-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, anki jekk hemm student fuq is-siġġu tar-roti, xi ħaġa prattika li jistgħu jagħmlu hi li jitfgħulu l-ballun fuq ħoġru, xi ħadd imexxih u tħallih jitfgħu, pereżempju fir-ring tal-basketball. Basta pparteċipa u jkun inkluż.
Jekk tikkumpara ż-żmien tal-lum ma’ qabel, żgur li tinduna li sar avvanz. Però fadal xi jsir?
Progress sar ħafna ħafna, u dan huwa dovut għall-isforz li kulħadd sar jagħmel. Qabel, kif għedt int, kienu jaħbuhom, ma jkunux iridu jagħtuhom xogħol jew ma joħduhomx l-iskola. Kienu jżommuhom id-dar.
Xi jrid isir aktar? Illum aħna nitkellmu fuq l-inklużjoni. Inklużjoni soċjali, inklużjoni tal-isport, inklużjoni fuq il-post tax-xogħol. Inklużjoni kullimkien. Però għad fadal xi jsir. Nitkellmu fuq l-inklużjoni, però meta nħares, u nara l-affarijiet kif qed isiru fit-taħriġ jew meta aħna noħorġu lill-atleti tagħna, ninduna li inklużjoni hemm imma integrazzjoni mhux daqshekk. Jekk pereżempju aħna qegħdin grupp ta’ sitta u hemm persuna waħda b’diżabilità, irridu ninkluduha wkoll fil-konverżazzjoni u mhux inkunu sempliċiment ħriġnieha u daqshekk. Irridu nagħtuha ċans tintegra u titkellem. Jekk qegħdin fuq il-post tax-xogħol u hemm persuna b’diżabilità taħdem magħna, fil-brejk ma fiha xejn ħażin li tinżel magħna, u mhux inħalluha waħedha taħdem. Jekk nagħmlu hekk, għalija m’hemmx inklużjoni. Veru qed ninkludu persuna fil-post tax-xogħol imma jrid ikun hemm l-integrazzjoni biex l-inklużjoni taħdem sew. U din it-tip ta’ integrazzjoni trid issir mill-persuni li m’għandhomx diżabilità u mhux mill-persuna li għandha d-diżabilità.
Pereżempju fl-iskejjel mill-għalliema?
Iva, dak jista’ jkun wieħed mill-eżempju. Pereżempju jekk student qiegħed f’siġġu tar-roti u t-tfal qed jilagħbu l-futbol u hu ma jistax juża saqajh imma jista’ juża jdejh, int tista’ tagħtih stikka jew tużalu siġġu tar-roti apposta. Trid tintregrah b’xi mod. L-istess f’affarijiet oħra. L-inklużjoni qiegħda hemm. Dawn it-tfal qed jiġu inklużi imma integrazzjoni hemm? Jiena nara każijiet fejn pereżempju l-għalliema tagħti struzzjoni biex jagħmlu linja jew joqogħdu f’pari wara l-bieb tal-klassi, imma ġieli ninnota li t-tfal imorru mill-ewwel imma t-tifel jew it-tifla b’diżabilità tibqa’ waħidha.
Għad hemm xi jsir mill-poplu. L-awtoritajiet qed jagħtuna l-għodda. Kulħadd irid jiftaħ aktar moħħu biex jiġi integrat.
U aċċessibilità għal min għandu bżonnha, ngħidu aħna rampi fl-iskejjel jew fil-knejjes, għad fadal xi jsir?
Fadal postijiet, ngħidu aħna ristoranti, fejn jien mmur u meta mmur sat-toilet ninduna li siġġu tar-roti ma jidħolx mid-daħla ta’ fejn inkun dħalt, jew ikun hemm toilet li ma joffrix il-possibbiltà li min għandu diżabilità jkollu l-faċilitajiet li għandu bżonn.
Imma dik hija bil-liġi li tkun disponibbli?
Suppost iva, hemm il-liġi, però ma rridx nidħol fil-qasam ta’ Oliver għax huwa espert f’dak il-qasam. Però hemm il-liġi li tobbligak li kull post irid ikun aċċessibbli għal min għandu diżabilità.
Rigward tfal b’diżabilità, int taqbel li l-ġenituri tagħhom jibagħtuhom fi klabb mainstream jew aktar hemm ċans li jiġu esklużi fi klabb mainstream?
Jiena naqbel li nibagħtuhom fi klabbs mainstream, fil-fatt aħna nibagħtuhom. L-ewwel jibdew magħna minn żgħar, imma kif naraw li laħqu ċertu livell nibagħtuhom jittrenjaw mal-klabbs. U l-klabbs jaċċettawhom għax ikunu diġà preparati u t-taħriġ ikunu diġà jafu x’inhu. Dejjem insegwuhom ħalli ma nitilfuhomx. Kif għedtlek l-ewwel, fil-bowling għandna atleta li jirbaħ lil min m’għandux diżabilità.
Wassal messaġġ lill-ġenituri, li forsi t-tfal tagħhom imħajra jattendu għall-Ispecial Olympics, imma għadhom qed jibżgħu jesponu lit-tfal tagħhom.
Lill-ġenituri din irrid infehemhom, li jħarsu lejn l-atleti tagħna u jaraw x’qed isir. Jiġu jaraw, jitkellmu magħna u jagħtu ċans lil uliedhom. Jekk iridu jeħduhom fil-klabb tal-mainstream jeħduhom, però jġibuhom għandna wkoll ħalli jaraw id-differenza u jevalwaw. Importanti wkoll li jagħtuhom kull opportunità li jridu. Jagħmlu kuraġġ u ma jaqtgħux qalbhom. Illum tant hawn opportunitajiet u nfetħu bibien li dawn jistgħu jgħixu ħajja normali.