Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-oġġettifikazzjoni tal-ġisem tal-mara fil-media, inkluż fil-media online. Tul dawn l-aħħar xhur il-Kummissjoni rċeviet numru ta’ kummenti mill-pubbliku fir-rigward ta’ videos u dikjarazzjonijiet li jissesswalizzaw lin-nisa b’mod żejjed u li jsaħħu sterjotipi negattivi fis-soċjetà.L-NCPE tikkundanna dawn ir-rappreżentazzjonijiet u tisħaq li dawk kollha involuti fil-media m’għandhomx joħorġu materjal li joġġettiva u jissesswalizza lin-nisa u lill-bniet.
“Is-sesswalizzazzjoni mifruxa tan-nisa u l-bniet fil-media issaħħaħ l-isterjotip li l-valur tal-mara jiddependi mill-apparenza fiżika tagħha u li r-rwol primarju tan-nisa għandu jkun dak li jogħġbu lill-irġiel.”
Dan iwassal għal relazzjonijiet inugwali fis-soċjetà u għandu impatt negattiv dirett fuq il-parteċipazzjoni b’mod ugwali tal-mara f’kull sfera tas-soċjetà, kif ukoll fuq il-problema tal-fastidju sesswali.
L-NCPE taħdem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u għar-rispett u d-dinjità ta’ kulħadd.