Mayumi Santos Patacsil, Filippina ta’ 44 sena li tgħix il-Mellieħa, inżammet arrestata wara li tressqet il-Qorti akkużata li qatlet Filippin waqt argument f’dar fil-Mellieħa.
Fil-Qorti, l-imputata wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.
L-omiċidju seħħ nhar il-Ġimgħa li għadda, kmieni filgħodu, meta nqatel Marcelino Montalban Saraza, Filippin ta’ 44 sena.
Kien ONE News permezz tas-sit one.com.mt li żvela t-tieni omiċidju għal din is-sena.
Fi stqarrija dakinhar tal-omiċidju, il-Pulizija qalet kif għall-ħabta tas-siegħa neqsin kwart ta’ filgħodu, l-akkużata ċemplet lill-Pulizija u talbet għall-għajnuna.
Hija qalet mal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra li kellha argument ma’ raġel u kellha ġrieħi f’idejha.
Il-Pulizija marru fid-dar fejn seħħ il-każ u sabu lir-raġel mixħut wiċċu ’l isfel fil-kċina mgħotti b’liżar.
Saraza ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post u mill-investigazzjonijiet irriżulta li kellu daqqiet ta’ sikkina f’sidru u f’għonqu.
Minn informazzjoni li għandu dan l-istazzjon, iż-żewġ Filippini kienu jgħixu flimkien fil-Mellieħa.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, u l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney u Gowdin Scerri.
L-avukat tal-għajnuna legali, Dr Mario Caruana ma talabx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużata. Huwa talab biex waqt li tkun il-ħabs tingħata tingħata l-attenzjoni medika, hekk kif fl-awla dehret b’idejha x-xellugija miksura.