Tpoġġew taħt att akkuża, l-4 persuni li qed jiġu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace, l-omm ta’ 54 sena li mietet mirduma wara li ġġarfet darha fil-Ħamrun.
Il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li hemm biżżejjed provi biex il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena, il-Kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena u Nicholas Spiteri ta’ 42 sena ħaddiem li jaħdem mal-Kuntrattur, jitpoġġew taħt att ta’ akkuża wara li qed jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace u kkaġunaw ħsarat fuq proprjetà privata fost akkużi oħra.
Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni f’dan il-każ traġiku, xehed ir-raġel tal-vittma Carmel Pace.
Imbikkem, Carmel tela’ fuq il-pedana tax-xhieda u rrakkonta x’ġara fit-2 ta’ Marzu, l-aħħar darba li ra u kellem lil martu.
Huwa stqarr: “Jien kuljum kont nċempel lil mara fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar qabel nitlaq mix-xogħol. Dakinhar ċempiltilha fis-sagħtejn u għaxra u bdiet tħoss li se jiġri xi ħaġa. Ħames minuti wara li kellimt lil marti, kollega tiegħi qalli waqgħet dar f’Canon Road. Bdejt nċempel lil mara u ma bdietx tirrispondi. Tlaqt minn fuq ix-xogħol, mort fuq il-post u bdejt ngħajjat: “Miriam, Miriam. X’ħin rajt dak it-tifrik għidt miraklu jrid ikun biex Miriam toħroġ ħajja.”
Xehed li martu kienet imbeżża’ b’dan l-iżvilupp li ħa jsir ħdejn id-dar tagħhom, flok il-ġnien enormi li kien hemm. Qal li tant kemm bdiet tibża’, li Miriam kellha ansjetà kbira u kellha tmur għand tabib.
Irrakonta kif fis-6 ta’ Frar bdew ix-xogħlijiet u Miriam, beżgħana qaltlu, “Bdejna, bdejna, uff”.
Ġara li fit-18 ta’ Frar ta’ din is-sena ġara inċident żgħir f’sit f’ċint diviżorju li jmiss mal-garaxx ta’ warajhom. Bil-mara u l-ġirien niżlu ħadu xi filmati.
Wara dan il-każ, il-ġirien talbu li issir laqgħa. Għal-laqgħa kien hemm preżenti il-Perit Roderick Camilleri u l-kuntrattur Ludwic Dimech.
Pace qal li hu martu bdew jinsistu li tiġi segwita l-liġi ta’ żewġ piedi, hekk kif dan l-iżvilupp kien ħa jsir biswit darhom imma l-Perit u l-kuntrattur bdew jippruvaw ibiddlulhom fehemthom.
Irrakonta li wara din il-laqgħa, propju fis-27 ta’ Frar, mar lura d-dar wara ġurnata xogħol u beda jisma’ damdim kbir mal-ħajt, b’Miriam qaltlu li ilhom ġurnata hekk.
Tela’ fuq il-bejt u sab raġel ta’ karnaġġjon skur jagħti bil-mazza b’qawwa. Carmel qallu biex jieqaf għax seta’ anki iweġġa’ hu, bil-ħaddiema waqqfu mill-ewwel.
Carmel qal li hu u l-mara kienu ilhom jaħsbu biex jitilqu minn dik id-dar u minn dik il-lokalità iżda darba Miriam kienet qalet lill-iżviluppatur Malcolm Mallia li se jibqgħu jgħixu f’dik id-dar.
Imbikkem quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li mid-dar, li ilhom jgħixu fiha minn meta żżewġu, salvaw biss żewġ vetrini. Spjega li mid-deheb li kellhom bħal ċrieket tal-engage ma sab xejn minnhom.
Bid-dmugħ f’għajnejh qal: “Aktar mill-affarijiet materjali, il-memorji mhu ħa nġibhom qatt lura. Tlifna l-memorji kollha, tlifna l-ferħ li kellna fil-familja, il-pjanijiet għall-futur intemmu. Issa mort ngħix f’dar oħra u qed nimxi ġurnata b’ġurnata.”
Xehdet ukoll Rosette Zerafa, waħda mill-ġirien tal-familja Pace u li ġarbet ħsarat konsiderevoli fil-proprjetà tagħha wkoll. Irrakontat kif hi u Miriam kienu qegħdin jibżgħu ħafna minħabba dawn ix-xogħlijiet.
Zerafa qalet li hi stess ġibdet ritratti mumenti wara l-każ traġiku.
Dawn ir-ritratti allegatament juru l-inġenji qed jiġu mċaqalqa mill-ħaddiema.
Xehed ukoll John Sammut, ġar ieħor tal-familja Pace fejn irrakonta kif darba hu u Miriam niżlu jkellmu lill-ħaddiema wara li ġġaraf ħajt u qalulhom biex jieħdu ħsieb il-propjetà tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Robert Vella u l-ispettur Matthew Galea.