Il-General Workers’ Union tħoss li f’soċjetà li qed tinbidel, fejn il-progress ekonomiku bir-raġun kollu huwa mistenni li jimxi id f’id mal-progress soċjali, wieħed ma jistax ma jisħaqx li biex isseħħ emanċipazzjoni sħiħa, il-mara trid tkun verament ħielsa li twettaq ir-rieda u l-aspirazzjoni tagħha.
Dan jista’ jseħħ biss jekk l-awtoritajiet u s-soċjetà Maltija jagħmlu dak kollu meħtieġ biex il-mara mhux biss tkun involutà fid-deċiżjonijiet li jirrigwardawha, iżda li tkun verament f’pożizzjoni li tipparteċipa fit-tfassil tad-destin tagħha.
Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, il-GWU tqis li huwa ta’ għajb li fid-dinja tal-lum għad hawn min jibbaża l-argumenti soċjali tiegħu fuq valuri foloz bil-għan li jxekkel il-progress tal-mara.
Huwa ta’ għajb li hawn min iqis lil mara inferjuri għar-raġel.
Il-GWU tħossha kburija li sa mill-ħolqien tagħha dejjem ħadmet fi spirtu sħiħ ta’ ugwaljanza.
Iżda minkejja dak li rnexxielna niksbu bħala moviment trejdunjonistiku, għad fadal x’isir.
Il-GWU hija tal-fehma li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna u s-settur ekonomiku jridu jirrikonoxxu l-ħtieġa li biex il-mara tipparteċipa aktar fil-ħajja pubblika u soċjali jrid ikollha s-sostenn sħiħ tal-komunità, u dan billi jiddaħħlu miżuri li joħolqu bilanċ reali bejn il-ħajja privata u d-dinja tax-xogħol.
Is-soċjetà trid taċċetta r-realtà li l-istereotipi tal-imgħoddi huma biss xkiel għall-mara, u li r-raġel jista’ jagħmel ferm aktar biex il-mara tikseb il-ħelsien li tagħmel l-għażliet tagħha.