- Miriam Dalli tispjega l-ħsieb wara l-programm LEAD
- Sfida li għandha tinbidel f’opportunitajiet
Miriam Dalli ilha fix-xena politika għal ħafna snin. Minn attivista żagħżugħa, għal ġurnalista stabbilita u Kap tal-Aħbarijiet sakemm wara saret Membru Parlamentari Ewropew ta’ suċċess.
Min jaf kemm tfajliet esprimew ix-xewqa li jimxu fuq il-passi tagħha u filwaqt li xi ftit ikun irnexxielhom jaslu jew jersqu qrib, ħafna oħrajn jkunu ltaqgħu ma’ ntoppi li ma jħalluhomx jagħmlu dan. Ħafna drabi huma ntoppi li jistgħu jingħelbu. Iżda, biex jingħelbu hemm bżonn rieda u sens ta’ tmexxija. Għalhekk inħoloq LEAD. Proġett imniedi mill-Partit Laburista fl-aħħar jiem biex minn Settembru 2017 għal Settembru 2027 il-Partit Laburista jżid b’mod qawwi l-parteċipazzjoni tan-nisa fi ħdanu.
Maqsum fuq erba’ fażijiet, l-għan aħħari tal-Programm hu li sal-elezzjoni ġenerali tal-2027 nofs il-kandidati jkunu nisa.
Iżda biex naslu għal din il-mira ambizzjuża l-Partit Laburista qed jimmira li sal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, fl-2019, ikun hemm 40% u 35% tal-kandidati nisa, rispettivament.
Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-Partit Laburista qed jimmira għal minimu ta’ 35% kandidatura femminili.
Filwaqt li għall-elezzjonijiet ta’ wara tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista jixtieq jara 50% u 40% tal-kandidati jkunu nisa, rispettivament. Biex evenwalment tintlaħaq il-mira finali ta’ nofs bin-nofs fl-2027.
Il-pjan huwa parti mill-viżjoni tal-Mexxej Laburista, Joseph Muscat, u l-implimentazzjoni tiegħu hi fdata f’idejn l-istess Miriam Dalli.
Mal-gazzetta KullĦadd Miriam Dalli tirrikonoxxi li dan huwa pjan mill-iktar ambizzjuż. Iżda, titkellem dwaru b’sens ta’ entużjażmu.
“Dan huwa pjan studjat li għandu mira finali ambizzjuża. Nemmen li dan il-pjan se jirnexxi għaliex mhix kwistjoni ta’ miri biss, imma għandna pjan sħiħ ta’ kif se naslu għal dawk il-miri. Il-ħsieb ewlieni tal-pjan huwa li nħajru aktar nisa u tfajliet jersqu lejn il-politika, ntuhom l-opportunità u niggwidawhom biex joħorgu għall-elezzjoni mal-Partit Laburista u jkunu suċċess f’dak li jagħmlu,” saħqet Dalli.
Biex dan isir, il-Partit Laburista se jagħżel madwar 48 mara fuq medda ta’ erba’ snin u jimplimenta l-Programm Lead li se juża’ sitt metodi prinċipali.
Il-parteċipanti femminili se jingħataw servizz ta’ mentoring, se japplikaw dak mgħallem f’esperjenzi tanġibbli, jitfasslilhom programm ta’ żvilupp u jingħataw l-opportunitajiet fuq il-mezzi tax-xandir. Dan filwaqt li titnieda kampanja nazzjonali u jkunu organizzati avvenimenti ta’ networking.
“Irridu li l-persuni magħżula jkunu jafu eżatt xi tfisser il-politika, kif jistgħu jikkontribwixxu u anke jekk din il-linja fil-fatt tgħoddx għalihom jew le. Naf li għandna ħafna tfajliet u nisa li huma kapaċi u li ma nistgħux inkomplu nitiflu t-talenti tagħhom. Ir-realtà hi li rridu nattiraw lil dawn it-tfajliet u nisa lejn il-politika minn issa u mhux meta nkunu ftit xhur jew ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni biss,” żiedet Dalli.
Nargumenta ma’ Dalli xi jwassalha taħseb li n-nisa li se jidħlu għall-programm se jibqgħu involuti fil-mumenti li f’ħajjithom ġejjin biex jagħmlu deċiżjonijiet importanti. Il-karriera, jew il-familja, fost oħrajn.
“Nista’ nitkellem mill-esperjenza personali tiegħi. Involvejt ruħi fil-politika minn età żgħira, sirt inħobb il-politika, ix-xogħol li nagħmel, il-fatt li żżomm kuntatt man-nies, li nipprova nagħmel l-almu kollu tiegħi biex ngħin fejn nista’. Kelli mumenti f’ħajti fejn ħadt deċiżjonijiet importanti, meta gradwajt, meta sibt xogħol ieħor, meta żżewwigt u kelli t-tfal. Ċerti affarijiet inbidlu imma l-fatt li nħobb il-politika baqa’ kostanti. Nemmen li m’iniex l-unika waħda. Bħali hawn ħafna oħrajn. Naħseb jekk niftħu l-bibien tagħna bħala partit lil tfajliet u nisa interessati anke sa minn età żgħira, inkunu qed nagħtu opportunità lil nisa li għalihom din tista’ tkun sejħa, tista’ tkun karriera,” qalet Dalli li fissret kif meta jkun hemm imħabba lejn il-politika din tibqa’ hemm.
L-ewwel sejħa għal parteċipanti se tiftaħ f’Settembru, u l-unika ħaġa mitluba hi li l-parteċipanti jikkommettu ruħhom li joħorġu għall-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista.
Miriam Dalli spjegat ukoll kif se toħroġ sejħa oħra għal persuni interessati li jkunu parti mill-proġett bħala mentors u parti mill-bord tal-għażla biex jagħtu t-taħriġ.
Dawn il-mentors ikunu meħtieġa jippreżentaw rapport kull tlett xhur tul is-sena taħriġ. Madanakollu, Dalli saħqet ukoll li din hija inizjattiva inklussiva u għalhekk il-Partit Laburista se jkun qed joffri faċilitajiet ta’ child care matul il-programm u waqt kampanji elettorali u attivitajiet marbuta mal-mandat politiku.
L-istat irid jibdel ukoll
Iżda dan waħdu żgur mhux se jkun biżżejjed u Dalli taqbel li hemm miżuri li jridu jittieħdu mill-gvern bil-għan li jgħinu din is-sitwazzjoni tinbidel.
“Dan il-pjan ma jistax ikun suċċess jekk ma jkunx hemm imbuttatura biex jinbidlu l-affarijiet anke fuq livell nazzjonali. LEAD se jkun qiegħed iressaq il-proposti tiegħu fuq dan l-aspett ukoll. Hemm bżonn ta’ Parlament li jiltaqa’ f’ħinijiet li huma family friendly. Parlament li jipprovdi child care services għad-deputati. Din mhijiex xi ħaġa li jgawdu minnha biss in-nisa, imma hija xi ħaġa li jgawdi minnha kull ġenitur. Nemmen fuq kollox li għandna bżonn miżuri pożittivi temporanji biex naċċertaw rappreżentanza xierqa tan-nisa fil-Parlament,” tgħid Dalli li rat il-ħsieb tagħha jevolvi mal-mod kif bdiet tara jiġru l-affarijiet.
“Sa qabel l-elezzjoni ġenerali kont naħseb li m’għandniex bżonn il-kwoti pereżempju. Dejjem bżajt li miżura bħal din tista’ tagħti l-impressjoni li n-nisa qegħdin hemm biss għaliex huma nisa u mhux għax neċessarjament huma kapaċi. Illum u wara l-elezzjoni ġenerali jkolli nammetti li kont żbaljata. Jekk m’aħna se nagħmlu xejn, il-bidla mhux se titwettaq. L-affarijiet mhux se jiġru waħedhom għall-anqas żgur mhux fis-snin li ġejjin. Huwa l-obbligu u r-responsabbiltà tagħna li nimbuttaw il-bidla ’l quddiem,” sostniet Dalli.
Imbagħad hemm l-isfida li l-politika nnifisha mhix tattira dejjem l-aqwa nies. Hemm nies tajbin, iżda hemm ukoll nies ta’ ħila li meta avviċinati baqgħu barra. Nargumenta ma’ Dalli li hemm nisa tal-karriera li huma nisa li filwaqt li joffru kollox għall-uffiċċju legali jew in-negozju tagħhom, is-sala tal-għadd tal-voti qatt ma jimmaġinaw li jersqu lejha.
“Hemm ħafna nisa li ħassew għal żmien twil li l-politika hija dominata mill-irġiel, li l-attivitajiet tal-politika jsiru f’ħinijiet li huma diffiċli għan-nisa, li ftit politiċi jifhmu s-sagrifiċċju li trid tagħmel meta jkollok it-tfal, jew l-isforz li jkollok tagħmel biex il-vuċi tiegħek tinstema’ b’saħħitha daqs l-irġiel. Aktar mhu se jkollna nisa fil-politika, aktar se nattiraw nisa. Aktar ma jkollna role models, aktar tfajliet u nisa jitħajru jersqu lejn il-politika. Aktar nisa fil-politika kapaċi jbiddlu l-mod kif issir il-politika. Hija din il-bidla li għandna bżonn,” twieġeb b’konvinzjoni Dalli. Konvinzjoni li tagħmel l-isfida kbira li għandu quddiemu dan il-proġett bħala waħda li tidher ferm iktar faċli.
Argument li jqum spiss hu dak li f’soċjetà fejn hawn iktar nisa żgur li kien ikun hemm rappreżentanza ta’ iktar nisa. Dan xejn mhu argument li jinżel tajjeb ma’ Dalli. “U kieku aktar irgiel jivvutaw għan-nisa ma jkollniex aktar nisa fil-Parlament ukoll,” twieġeb b’mod skjett ħafna.
Kompliet itenni li bħala mara ma titlobx il-voti tan-nisa biss. “L-istess kif ma nippretendix li n-nisa jivvutawli sempliċiment għaliex jiena mara. In-nies jivvutaw għal kandidati li jemmnu li huma kapaċi, għal kandidati li jafu, għal kandidati li jaħdmu magħhom, jgħinuhom u jifmuhom. Huma dawn it-tip ta’ kandidati li se nagħżlu u nkunu qed inressqu ’l quddiem,” żiedet Dalli biex marret lura għall-proġett.
Iżda, għaliex dan l-intrigu għal Dalli meta l-karriera tagħha miexja ’l quddiem u qed tagħmel biċċa xogħol tajba li żżommha ħafna ħin barra l-pajjiż.
“Jekk jien irnexxejt, ma jfissirx li ma rridx nagħti opportunità lil ħaddieħor jirnexxi. Bħali hemm ħafna persuni oħra li ma rnexxilhomx. Mhux għax mhumiex kapaċi, imma għal xi raġuni jew oħra li forsi żammithom ’il bogħod. Jiena llum qiegħda fil-politika u nemmen li huwa d-dover tiegħi li nattira aktar nisa lejn il-politika. Irrid li tinqata’ l-mentalità li aħna n-nisa mhux lesti noffru opportunità lil xulxin. Jien irrid nara aktar nisa jersqu ’l quddiem u jimxu ’l quddiem għaliex huma kapaċi. M’aħna nagħmlu l-ebda pjaċir lin-nisa u t-tfajliet. Qegħdin sempliċiment naħdmu biex naċċertaw rappreżentanza ugwali ħalli verament naslu f’sitwazzjoni fejn ikollna bilanċ kif suppost. Jekk nilħqu dan il-bilanċ, il-pjaċir li se nagħmlu se jkun lis-soċjetà kollha kemm hi u mhux lin-nisa,” qalet Dalli li meta mitluba tgħid f’sentenza waħda għal min hu dan il-programm wieġbet hekk: “Dik il-mara li għaliha l-ostakoli mhumiex problema imma opportunità li trid tesplora u tidħol għaliha b’suċċess.”