Il-bidla li għamlet il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fir-regoli b’rabta mal-konferma tal-Kap tmur kontra l-ispirtu tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista u ma hemm referenza għaliha mkien.
Ilbieraħ filgħaxija wara t-8pm – l-agħar ħin biex aħbar tkun tista’ titwassal faċilment għand in-nies għax ma tilħaqx tiddaħħal fil-bulettini tal-aħbarijiet – il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, ħabbret li l-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali tal-PN jistgħu jaħtru persuna biex tivvota minflokhom fil-konferma tal-Kap jekk ma jkunux jistgħu jivvutaw personalment, bħal f’każijiet ta’ safar. Dan il-metodu ta’ vot vi prokura huwa komunement magħruf bħala “vote by proxy”.
Osservaturi politiċi li tkellmu ma’ One News iddeskrivew din iddeċiżjoni ta’ malajr min-naħa talPartit Nazzjonalista bħala sintomu ta’ paniku kbir li ħakem lil Bernard Grech,
Dwan is-sorsi osservaw li, jekk tingħata ħarsa lejn l-Artikli 93 u 94 tal-istatut tal-Partit Nazzjonalista, toħroġ ċara l-inkonsistenza ma’ dak li tħabbar mill-istess Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-Artiklu 93 jingħad li “biex il-kandidat jiġi dikjarat elett jinħtieġ jikseb għall-anqas ħamsin fil-mija u wieħed (50% + 1) tal-voti validi mixħuta mill-kunsillieri li jkunu vvutaw.
L-Artiklu 94 jgħid ukoll li “Konferma ta’ Kap jew ta’ Viċi Kap tal-Partit jew vot ta’ fiduċja jew sfiduċja fihom jinħtieġu l-appoġġ b’vot sigriet ta’ għall-anqas ħamsin fil-mija u wieħed (50% + 1) tal-voti validi mixħuta mill-kunsillieri f’Kunsill Ġenerali mlaqqa’ apposta.”
Fiż-żewġ istanzi l-artikli jirreferu għal voti validi mixħuta mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u mhux minn persuni mqabbdin minnhom sabiex jixħtu l-vot minflokhom.
L-Artiklu 94 saħansitra jsemmi li jinħtieġ l-appoġġ ta’ vot sigriet mil-Kunsilliera f’Kunsill Ġenerali mlaqqa’ apposta.
Bil-metodu ta’ vot bi prokura li qed tadotta l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, il-vot ma jibqax wieħed sigriet.
Intant, is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali fakkru f’kif il-fazzjoni li jagħmel parti minnha Bernard Grech kienet l-istess fazzjoni li fi żmien Adrian Delia ħolqot plejtu sħiħ fuq il-metodu tal-vot bi prokura biex jinġabar id-dokument tal-vot għall-elezzjoni tal-Kap fl-2017.
Il-Kummissjoni Elettoralital-Partit Nazzjonalista dakinhar kienet ċanfret lill-id il-leminija ta’ Adrian Delia, l-eks assistent Segretarju Ġenerali Jean Pierre Debono, talli ma vverifikax il-firem ta’ dawk li kellu jiġbor il-voti għalihom permezz ta’ prokura.
Sors partikolari mill-fazzjoni ta’ Bernard Grech, viżibbilment urtat dwar il-manuvri li qed isiru fid-Dar Ċentrali, ikkummenta hekk: “Sentejn ilu konna ngħajtu tant b’li għamel ħaddieħor u llum mhux talli qed nagħmlu bħalhom talli qed nagħmlu saħansitra agħar minnhom.”