“Għandna bżonn mentalità ġdida, bi sforz kollettiv biex nieħdu ħsieb pajjiżna”.
Dan kien kliem is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield hekk kif indirizza roundtable discussion ma’ bosta għaqdiet mhux governattivi, voluntiera, u stakeholders ewlenin li jaħdmu fil-qasam ambjentali sabiex jitwassal il-messaġġ dwar il-ħtieġa li nsaħħu r-riżorsi għat-tindif fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna.
Bedingfield saħaq li l-indafa pubblika għandha tkun prijorità għal kulħadd u l-għan ewlieni ta’ din id-diskussjoni hu li jisma’ direttament mingħand in-nies involuti sabiex issir diskussjoni dwar kif il-Gvern, l-għaqdiet, u n-nies jistgħu jaħdmu aħjar flimkien.
“Kien skambju t’ideat importanti għalija li niltaqa’ ma’ għaqdiet ambjentali li jagħmlu clean-ups ’il għaliex l-ewwel nett nisma’ mingħandhom, naraw kif nistgħu ngħinu aktar lil xulxin – għaliex biex nieħdu ħsieb pajjiżna nagħmlu dan bi sforz kollettiv. Dawn l-organizzazzjonijiet qegħdin jagħmlu, fl-opinjoni tiegħi att soċjali, naħseb illi l-eżempju tagħhom għandu jkaxkar – bħalma eżempju ħażin jitkaxkar, għandu jitkaxkar ukoll eżempju tajjeb.”
Glenn Bedingfield – Segretarju Parlamentari
Preżenti għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, is-Sur Ramon Deguara, fejn elenka numri u statistiċi rigward ix-xogħol tad-diviżjoni.
Hu spjega kif din id-diviżjoni rċiviet mat-3,994 rapport fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena. F’kumment ma’ ONE News, is-Sur Deguara sostna li din id-diskussjoni se tgħin lill-industrija tat-tindif f’pajjiżna.
“Ovvjament din l-okkażjoni tal-lum hija wkoll sabiex nisimgħu x’għandhom xi jgħidulna l-istakeholders fl-industrija tat-tindif. Qed naraw NGOs li jorganizzaw clean-ups, u prattikament nafu l-problemi komuni li għandna bejnietna li qegħdin nesperjenzaw aħna wkoll, però lesti kommessi li nisimgħu aktar lil dawn l-NGOs sabiex l-industrija tat-tindif f’pajjiżna ntuha dik il-qabża fil-kwalità li jmiss.”
Ramon Deguara – Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni