Fi djalogu fuq ONE Radio immexxi minn Jason Micallef, il-Prim Ministru, Joseph Muscat, tkellem dwar għadd ta’ temi. Filwaqt li emfasizza s-suċċessi li kiseb il-gvern fl-aħħar ħames snin, irrikonoxxa li hemm sfidi li jirriżultaw mill-istess suċċessi, li l-pajjiż kien ilu jistenna tant.
Il-Prim Ministru qal li kieku l-Gvern ma bediex iwettaq sa mill-bidu nett li ġie elett, kieku l-Gvern ma kienx jikseb is-suċċessi li kiseb fi żmien daqshekk qasir.
“Li kieku l-Gvern ma bediex iwettaq sa mill-bidu, kieku m’għamilniex l-affarijiet li għamilna,” stqarr il-Prim Ministru.
Fost id-diversi temi diskussa kien hemm l-ekonomija, l-immigrazzjoni, l-ambjent u anke t-traffiku. Temi li dwarhom il-Prim Ministru wieġeb b’riżultati konkreti. Hawn żvela li l-manifest elettorali għall-elezzjoni li ġejja jrid jibni fuq dak li nkiseb fl-aħħar ħames snin.
“Il-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni li jmiss fl-2018 ħa jkun qed ikompli jibni fuq dak li għamilna. Li kieku dan il-Gvern ma wettaqx, kieku dawn il-proposti ma jistgħux isiru.”
Ma naqsux il-mistoqsijiet dwar l-erba snin fit-tmexxija tal-pajjiż, bil-Prim Ministru jisħaq li huwa kien dejjem iffukat fuq xogħolu u se jikkampanja biss fl-aħħar tal-leġiżlatura. Dwar kemm fadal ġranet għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li fadal iktar minn sena xogħol xi jsir u l-intenzjoni hi li l-mandat jitwettaq kollu.