Il-Partit Nazzjonalista li qal li hu mħejji għall-elezzjoni ġenerali u biex imexxi l-pajjiż f’temp ta’ ftit jiem fil-kampanja elettorali biddel il-verżjoni tal-programm elettorali għal erba’ darbiet.
Dan ġie nnutat mis-sit The Journal, li rrimarka li minkejja l-fatt li Bernard Grech b’wiċċu ‘l quddiem ftaħar li ppubblika l-manifest elettorali wara mitt siegħa, huwa ċar li dan il-manifest sar ta’ malajr.
The Journal innota wkoll li numru ta’ proposti nkitbu aktar minn darba filwaqt li diversi wegħdiet mill-Partit Nazzjonalisa diġà saru.
Fosthom uffiċċju f’Għawdex għall-Malta Enterprise meta dan ilu stabbilit f’din il-gżira mill-elf disa’ mija, sitta u disgħin.
The Journal irrapporta li l-manifest elettorali Nazzjonalista għadu ‘work in progress’ u dan għaliex kulma jmur, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech qed ikompli jikkoreġi żbalji li hu mifni bih dan il-manifest li suppost ġie approvat fil-Kunsill Ġenerali tal-Ħamis li għadda.
Intant waqt il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne nnota l-inkonsistenzi fil-programm elettorali ta’ Bernard Grech.
Id-Deputat Prim Ministru qal, “Dan il-manifest tagħhom stess iġifieri l-ewwel qalu seba’ mija, imbagħad ħarġu b’ħames mija, disgħa u erbgħin, imma kien fih ħames mija tnejn u erbgħin, imbagħad l-għada ħarġu b’ħames mija erba’ u erbgħin u issa llum ħarġuh b’ħames mija, disa’ u ħamsin imma mbagħad to play it safe fl-istess programm qalu, qas taw figura, qalu ftit aktar minn ħames mija u ħamsin proposta. Iġifieri dawn lanqas biss jafu kemm għandhom proposti, lanqas din m’huma kapaċi jġibu tajba, kemm għandhom proposti fil-manifest elettorali tagħhom, immaġinahom dawn iridu jagħmlu budget b’dawk il-figuri kollha. ”
Fl-ewwel ġimgħa tal-kampanja, il-Kap Nazzjonalista Bernard ammetta li ma jafx il-programm elettorali tiegħu stess.
Bernard Grech tenna, “Immur fejn immur, dan ma nġorrux miegħi, hawn, dan inġorru biex inġibu hawn biss u fl-uffiċċju biex naqra. Imma immur fejn immur naqbad il-mobile, iwaqqafni anzjan, jgħidli lilna x se tagħmel lilna għal pensjoni tas-servizz? Stenna, search għax il-programm elettorali tagħna qiegħed ukoll diġitali.”