L-impjiegi fis-settur tal-manifattura żdiedu b’madwar 3% matul l-2018, meta mqabbel mal-2017.
Qal dan il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona f’konferenza mtella’ mill-Kamra tal-Kummerċ fl-okkażjoni tal-ġimgħa għall-Intrapriżi żgħar u medji.
Saħaq li dan huwa dovut għall-fatt li l-manifattura f’Malta kompliet tissaħħaħ minkejja l-isfidi f’dan is-settur fil-bqija tal-Ewropa.
Qal li l-Gvern huwa fiduċjuż li t-tkabbir tas-settur, li diġà huwa ogħla mill-medja Ewropea, se jkun ta’ madwar 6.5% matul is-sena d-dieħla.
Fl-istess waqt, il-produzzjoni industrijali f’Malta żdiedet b’1.4% filwaqt li l-produzzjoni fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 1.2%. L-esportazzjoni tul l-2018 laħħqet iż-€2,400,000 ewro, €66 miljun iżjed mill-2017.
Il-Ministru qal li l-politika ekonomika tal-Gvern hija bbażata fuq l-inċentivi u d-diversifikazzjoni. Spjega li din tgħin biex pajjiżna jibqa’ kompettitiv jekk ikun hemm tnaqqis fit-tkabbir fil-livell dinji.
Dan qed jiġri bħalissa bil-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, fejn b’konsegwenza ta’ dan il-bejgħ globali fosthom dak tal-karozzi naqas bi 3% fl-2018.
Il-Ministru Cardona spjega: “L-ekonomija qiegħda tikber minħabba primarjament li l-investiment dirett barrani dieħel fil-pajjiż b’mod sostennibbli, b’mod b’saħħtu u b’mod diversifikat u l-konsum domestiku. Il-fatt li għalkemm il-prezzijiet internazzjonali qegħdin jogħlew xorta qegħdin naraw li f’Malta l-familji Maltin u l-Għawdxin, il-ħaddiema qegħdin jonfqu iktar.”
Stħarriġ ippreżentat mill-Kamra tal-Kummerċ fost sittin kumpanija fl-industrija sab li sfida ewlenija hija n-nuqqas ta’ ħaddiema.
Ir-rapport jinnota li waħda mill-inqas sfidi rrapportati kienet dik tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
L-istħarriġ innota wkoll ċertu sfidi biex kumpaniji jimpjegaw persuni minn barra l-Unjoni Ewropea kif ukoll tnaqqis fir-riċerka u l-iżvilupp.
“Ġie wkoll innutat mis-survey in-nuqqas fir-research and development u allura Malta Enterprise ħa tara li jkun hemm iżjed inċentivi li jistimulaw ir-riċerka u l-iżvilupp”, tenna l-Ministru Cardona.
L-istħarriġ ippropona li jitkomplew programmi bħal dak tal-apprentistat, u li jitkomplew diskussjonijiet ma’ Malta Enterprise sabiex jiġu offruti inċentivi lejn kumpaniji li jkunu lesti li joffru transport kollettiv lejn il-post tax-xogħol.