Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura l-aħħar minn sensiela ta’ għaxart idjar li tranġaw apposta għall-persuni b’diżabilità biex jgħixu fihom b’mod indipendenti fil-komunità.
Id-djar huma mifruxa mal-gżejjer Maltin fosthom fis-Siġġiewi, f’Pembroke u fir-Rabat Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari għall-persuni b’dizabilità Anthony Agius Decelis qal li d-dar f’Ħaż-Żabbar se tilqa’ fejn fiha bejn tmienja u għaxar persuni b’diżabilità li se jgħixu flimkien taħt il-ħarsien ta’ carers professjonali.
Waqt il-ftuħ uffiċjali ta’ din id-dar li ngħatat l-isem ta’ IRIS, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fl-2012, kienu ħafna l-ġenituri tal-persuni b’diżabilità li wasslu t-tħassib tagħhom dwar il-ġejjieni ta’ wliedhom ġa la darba jiġu neqsin.
Fosthom omm Carmen Mallia, persuna b’diżabilità residenti f’waħda minn dawn id-djar.
Oħta Ċensina qalet ma’ One News li hekk kif oħta bdiet tgħix f’ waħda minn dawn il-binjiet, kisbet l-indipendenza u tgħallmet tgħix ħajja iżjed dinjituża.
Ċensina stqarret li ommhom kienet mħassba ferm dwar il-ġejjieni ta’ oħta, iżda issa li m’għadhiex f’din id-dinja, mietet moħħha mistrieħ li bintha qiegħda f’idejn tajba.
“Niftakar qabel infetħu dad-djar, il-mama kienet tgħid, u kienet tixxukjani, Bambin ħuda siegħa qabli. Meta daħlet fid-dar il-mama serrħet rasha li jekk tiġi nieqsa hemm min jieħu ħsiebha. Il-mama mietet moħħa mistrieħ li Carmen għandha posta.”
Antonella Micallef, persuna li tadem fil-qrib ta’ dawn il-persuni stqarret li tinnota titjib fl-abbiltajiet u l-ħiliet ta’ dawk kollha li jidħlu jgħixu f’din id-dar.
“Meta persuna tibda tagħmel l-affarijiet is-sempliċi li għalina jidhru sempliċi anke sempliċiment tagħmel tazza kafe, għall ċertu persuni dawn l-affarijiet huma one big goal allura bl-għajnuna tas-support workers, minn tasks sempliċi sa tasks għal oħrajn kumplessi, bl-għajnuna u sapport jistgħu ikunu attivi fis-soċjeta.”
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis qal li minkejja li ntlaħqet il-mira li jinfetħu għaxar residenzi, dan hu biss il-bidu, hekk kif hu maħsub li jinfetħu iżjed djar ta’ din ix-xorta li joffru ħajja iżjed indipendenti u dinjituża.
“Aħna għandna diġa proġettati tlieta oħra fil-pipeline tal-proġett soċjeta ġusta ħalli aħna nilħqu l-aspirazzjonijiet tal-poplu tagħna u ta’ dan in-nukleu li ma tantx jgħamel storbju imma nirringrazjaw l-Alla li sab min jisimghu u nħoloq dan il-proġett biex nkunu nistgħu nilħqu dan il-bżonn li għandom dan in-nukleu zgħir ta’ nies li jgħix f’pajjiżna.”