Mijiet ta’ pazjenti li t-Tlieta filgħodu kellhom appuntament fl-Isptar Mater Dei ntlaqtu mill-azzjonijiet industrijali li ordnat l-Assoċjazzjoni Medika Maltija.
L-azzjonijiet bdew fit-tmienja ta’ filgħodu u komplew sejrin sal-erbgħa ta’ waronfishar fi-Dipartiment tal-Outpatients fl-isptarijiet Mater Dei, Karin Grech u l-isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-maġġoranza tal-pazjenti li marru għall-appuntament u ma nqdewx, ingħataw appuntament għal jum ieħor.
L-azzjonijiet laqtu wkoll għadd ta’ ċentri tas-saħħa. L-azzjonijiet issejħu mill-MAM wara nuqqas ta’ qbil dwar it-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar San Luqa u l-isptar Karin Grech minn Steward Health Care.
L-azzjonijiet industrijali mit-tobba kienu ta’ detriment kbir għal mijiet ta’ pazjenti. Waqt li mijiet għażlu li jibqgħu d-dar, mijiet oħrajn inqalgħu minn darhom għalxejn. Fosthom dawk li kellhom appuntament fid-Dipartiment tal-Outpatients, li fil-maġġoranza tagħhom kienu anzjani.
Ma’ ONE NEWS esprimew id-dieqa tagħhom, li kellu jkun il-pazjent li jbati l-konsegwenzi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-isptar Mater Dei, is-Sur Ivan Falzon, spjega li kien hemm ftit anqas minn elfejn appuntament skedati matul il-jum tat-Tlieta.
Minkejja dan, is-Sur Falzon spjega, li kien hemm aktar minn 400 pazjent li fin-nofstanhar ta’ filgħodu attendew xorta għall-appuntament.
Fi stqarrija, l-MAM, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-azzjonijiet industrijali filwaqt li rringrazzjat lill-pazjenti li qalet li fehmu s-sitwazzjoni.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Mater Dei talab skuża lill-pazjenti li ġew affettwati filwaqt li wiegħed ħidma kontinwa mill-amministrazzjoni tal-Isptar biex l-effetti negattivi ta’ dawn l-azzjonijiet industrijali jkunu minimi.