“Lill-Maltin u lill-Għawdxin daħħalthom miegħi, f’qalbi, fil-konklavi,”iddikjara dan il-Kardinal Għawdxi Mario Grech f’kumment li ta lil dan l-istazzjon proprju ftit passi ’l bogħod mill-Kappella Sistina fil-Vatikan, qabel daħal għal-laqgħa mal-Papa l-ġdid Iljun XIV is-Sibt filgħodu.
Il-Kardinal Grech qal kif, matul dawn l-aħħar jiem tant importanti, sensittivi u delikati għall-Knisja Kattolika Universali, hu dejjem ħass it-talb tal-poplu Malti kollu.
Magħna, hu wkoll qasam l-esperjenza dwar ir-relazzjoni tajba li kellu mal-Papa Franġisku, waqt li nnota kif il-Papa Ljun XIV għandu anke relazzjoni tajba ħafna ma’ pajjiżna.
“Lill-poplu Malti u Għawdxi li kontu preżenti fil-konkalvi, għax daħħaltkom miegħi, f’qalbi u tibqgħu f’qalbi. U allura anke jien wieħed minnkom, kollaboratur tal-Papa … Papa Franġisku issa Papa Ljun li ili nafu ħafna snin, lill-Kardinal Prevost, u allura anke intom, ħa tkunu qrib il-papa l-ġdid.”
Il-Kardinal Mario Grech
Filwaqt li spjega x’inhi l-missjoni tas-suċċessur ta’ Pietru, il-Kardinal Grech appella wkoll biex in-nies jibqgħu jitolbu għall-Papa Ljun XIV f’din il-missjoni tiegħu.
“Aħna l-Bambin issa tana dan ir-Ragħaj biex jgħinna nkomplu mexjin wara Kristu u l-mixja wara Kristu mhux ħafifa, inmalla tkun l-id t’Alla l-imbierek li tweżinna biex ngħixu l-Vanġelu, fl-aħħar mill-aħħar, u l-missjoni tal-Papa hi din li lilna lkoll jakkumpanjana biex ngħixu l-Vanġelu u jkun bħall-ħmira li tgħolli l-għaġna tal-ħajja personali, tal-familja u tas-soċjetà.”
Il-Kardinal Mario Grech
Mario Grech kien wieħed mill-133 kardinali eletturi, li fil-jiem li għaddew daħlu fil-Kappella Sistina biex jivvotaw għall-Papa l-ġdid.
Għal jiem sħaħ wara l-mewt tal-Papa Franġisku, li seħħet fil-21 t’April li għadda, għexieren ta’ kmamar tal-aħbarijiet minn madwar id-dinja kollha kienu qed isemmu b’mod prominenti wkoll lill-Kardinal Għawdxi bħala wieħed mill-papabbli u kandidat ideali għar-rwol tal-Isqof ta’ Ruma.
Mill-aħħar snin ’l hawn, Mario Grech ukoll ingħata r-rwol importanti tas-Segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet.