Il-Maltin u l-Għawdxin saru jsiefru aktar minn darba fis-sena, skont informazzjoni li ngħatat mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fost l-oħrajn, dan attribwit għall-fatt, li dan is-settur wera rkupru b’saħħtu fl-aħħar sena skont ċifri maħruġa wkoll mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan kollu kien analizzat mill-gazzetta KullĦadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd li qabblet l-ammont ta’ Maltin li siefru fl-aħħar żewġ kriżijiet internazzjonali, jiġifieri dik li għaddejjin minnha bħalissa fosthom l-irkupru tal-pandemija u l-kunflitti internazzjonali li faqqgħu fl-aħħar xhur.
L-NSO qal li s-safar mill-Maltin fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, jiġifieri minn Jannar sa Settembru, laħaq il-ħames mija, ħamsa u disgħin elf u seba’ mija u sbatax-il persuna. Dan ifisser li bħala medja kull resident siefer minn tal-inqas darba f’dan il-perjodu.
Din iċ-ċifra hija ekwivalenti għal żieda sostanzjali ta’ mija, erbgħa u sebgħin elf, mitejn, tnejn u tletin persuna aktar li siefru fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena minn dawk li siefru fl-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Il-gazzetta KullĦadd qabblet dawn iċ-ċifri li ttieħdu fl-isfond ta’ sfidi internazzjonali kbar, mar-rata ta’ safar fl-istess faxxa, fil-kriżi finanzjarja tal-2009, meqjusa li kienet għaxar darbiet iżgħar minn dik tal-aħħar snin.
Hawnhekk irriżulta li bejn l-2008 u l-2009, is-safar mill-Maltin u l-Għawdxin kien naqas b’wieħed fil-mija, tnaqqis ta’ kważi elfejn persuna inqas li siefru meta kienu biss mitejn, disgħa u għoxrin elf u sitt mija, erbgħa u sittin persuna li siefru.
Dan ekwivalenti għal inqas minn erbgħin fil-mija ta’ dawk li siefru din is-sena.
L-infieq mill-Maltin ukoll żdied hekk kif b’mod kollettiv dan qabeż in-nofs biljun ewro, medja ta’ ftit aktar minn disa’ mitt ewro kull persuna. Fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista l-infieq totali kien inqas minn mitejn miljun ewro, inqas minn ħames mitt ewro f’infieq minn kull persuna.
Xejra simili kienet espress minn statistika dwar kemm mill-popolazzjoni Maltija taffordja li ssiefer. Hawnhekk jirriżulta li dawk li ma jaffordjawx minn tal-inqas safra fis-sena naqsu kważi bin-nofs, minn sitta u erbgħin fil-mija tal-Maltin fl-2009 għal tlieta u tletin fil-mija tal-Maltin din is-sena.
Il-KullĦadd attribwiet din id-differenza drastika f’dawn iż-żewġ perjodi għal aspetti diversi, mid-differenzi fil-politika li ġiet addottata mill-aħħar Gvern Nazzjonalista mmexxi minn Lawrence Gonzi għal dik tal-Gvern Laburista preżenti mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-KullĦadd fakkret ukoll kif l-amministazzjoni ta’ GonziPN kienet ivvutat bil-qalb biex jogħlew il-kontijiet tad-dawl għall-kuntrarju tas-sostenn li esperjenzaw il-familji Maltin u Għawdxin fis-sussidji tal-prezzijiet tal-enerġija fl-aħħar xhur ta’ Gvern Laburista.