“Il-mibgħeda politika ma tistgħax tkun ikbar mill-imħabba lejn il-pajjiż”. Saħaq dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew, Cyrus Engerer, waqt id-diskors tiegħu f’attività politika l-Ħadd li għadda fl-Imsida. Dan b’referenza għall-attakki tal-MEPs Nazzjonalisti fi Brussell.
Engerer qal li jekk qatt kien hawn xi dubju dwar kemm huma importanti l-elezzjonijiet Ewropej, wara dawn il-ħames snin, dan id-dubju spiċċa. Tenna li l-Maltin u l-Ghawdxin iridu Membri Parlamentari Ewropej li jaħdmu għal Malta l-ewwel u qabel kollox.
Hu spjega x-xogħol li għamel bħala l-uffiċjal fdat mill-Prim Ministru bir-relazzjonijiet tal-Gvern Malti mal-Parlament Ewropew. Qal kif b’ħidma ikkordinata minnu, flimkien mal-MEPS Alfred Sant, Miriam Dalli, Marlene Mizzi u l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari kollha, daru l-Membri tal-Parlament Ewropew matul l-aħħar sentejn u spjegaw bil-fatti il-verità dwar Malta.
Engerer saħaq li b’differenza għal ħaddieħor, il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit
Laburista dejjem se jiġbdu ħabel wieħed, biex iġibu l-investiment u x-xogħol lejn pajjiżna, iktar drittijiet għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u fuq kollox biex iġibu l-għaqda, ‘l bogħod mill-politika li tifred l-aħmar u l-blu.
Cyrus Engerer qal li filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jitkellem fuq soċjetà li jimpurtaha, fl-istess ħin ħadem biex jiddistabilizza l-pajjiż, ibiegħed l-investiment minn pajjiżna, filwaqt li fil-parlament, f’numru ta’ okkażjonijiet, ivvutaw kontra drittijiet ġodda f’pajjiżna. Dan juri, saħaq Engerer, li l-Partit Nazzjonalista hu partit tal-bluff u li l-uniku għan tal-Partit Nazzjonalista hu l-poter.
Engerer tkellem fuq kif il-Maltin u l-Għawdxin illum qegħdin jgħixu s-suċċess. Staqsa fejn fl-
Unjoni Ewropea kollha ssib dak li għandna f’pajjiżna, bħal childcare b’xejn, skemi tal-first time u s-second time buyers, trasport b’xejn għaż-żgħażagħ, iktar ġranet leave, żieda fil-pensjonijiet, żieda fl-istipendji u ċekk lura tat-taxxa lill-ħaddiema kollha Maltin u Għawdxin.
“Kemm hi sabiħa Malta li qegħdin ngħixu fiha llum”, temm jgħid Engerer.