F’messaġġ li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa wassal propju fil-jum li l-Korp qed jiċċelebra l-208 snin mindu twaqqaf, semma t-trasformazzjoni li saret u għadha qed issir fil-Korp tal-Pulizija. Trasformazzjoni li permezz tagħha ċ-ċittadin qed iżid il-fiduċja tiegħu fil-membri tal-Pulizija.
Hawn tenna kif il-poplu Malti u Għawdxi għandu jkun kburi bl-uffiċjali kollha tal-Korp, hekk kif ta’ kuljum jaħdmu u f’bosta drabi jipperikolaw ħajjithom sabiex iżommuna siguri.
Meta kien qed jitkellem dwar il-ħidma delikata li jwettqu l-membri tal-Korp, Angelo Gafa qal kif fl-aħħar sena komplejna naraw tnaqqis fis-serq, li saħansitra niżel għall-anqas livell fl-aħħar 25 sena.
Fejn tidħol il-vjolenza domestika l-Korp tal-Pulizija wkoll saħħaħ is-servizzi tiegħu b’mod aktar professjonali, u għal dawn kien hemm domanda akbar.
Il-Kummissarju nnota wkoll kif fl-aħħar sentejn ġew imsaħħa wkoll ir-relazzjonijiet ma’ istituzzjonijiet barranin, inkluż il-Europol.