X’jagħmel sabiħ iż-żmien festiv tal-Milied u l-ewwel tas-sena?
It-tiżjin, l-atmosfera, ir-rigali iżda fuq kollox il-kumpanija ta’ xulxin.
Fil-fatt, f’dawn il-jiem, ħafna jkollhom il-kalendarju mimli b’attivitajiet varji li jiġbru flimkien qraba, ħbieb, kollegi tax-xogħol u ħafna oħrajn fi spirtu festiv.
Min jagħżel jibbukkja f’xi restorant tajjeb jew f’okkażjonijiet oħrajn jilqa’ lin-nies f’daru f’atmosfera ta’ ġabra l-bogħod mit-temperaturi kesħin li jiddominaw f’dawn il-jiem.
Iżda fuq moħħ kulħadd, speċjalment min ikun qed jospità, ikun hemm l-ikel hekk kif dan jirrikjedi ħin twil ta’ preparamenti sabiex fl-aħħar tal-lejla kulħadd ikun kuntent b’żaqq mimlija ikel bnin, sinonimu ma’ dan iż-żmien ta’ festi.
Iktar ma’ jgħaddi ż-żmien partikolarment minħabba li ta kull sena qed isiru aktar popolari dawn it-tip ta’ festini, aktar nies qed jagħżlu li jħallu f’idejn id-dulċiera lokali sabiex jipprovdu dan is-servizz.
Fejn qabel dan il-proċess kien jirrikjedi ġurnata twil ta’ xogħol u preparamenti, ħafna qed jagħżlu jirrikorru għal telefonata u ordni tal-ikel, li titwassal fuq l-għatba tal-bieb ftit qabel il-festin, mingħajr inkwiet ta’ xejn.
ONE News propju stħarreġ din ix-xejra li qed tiddomina dejjem aktar f’pajjiżna hekk kif tkellem ma’ numru ta’ dulċiera lokali prominenti.
Fil-fatt, spjegawlna kif il-preparamenti jibdew billi anke jittieħdu s-suġġerimenti tan-nies anke fuq is-snin ta’ qabel sabiex jitfasslu l-menus tal-ikel għal dawn iż-żmienijiet.
John Caruana minn James Caterers spjegalna li saħansitra isir proċess intern favur aktar kwalità fl-ikel li jiġi provdut.
“Bażikament aħna minn żmien qabel nibdew nippreparaw ruħna bil-menus. Jiġifieri x’ħa nagħmlu, x’jixtiequ hekk kif nieħdu s-suġġerimenti tan-nies, nieħdu feedback minn tas-snin ta’ qabel, nagħmlu s-samples u nieħdu l-kummenti internament umbagħad naslu f’deċiżjoni x’se nkunu se nintroduċu għas-suq lokali.”
John Caruana – James Caterers
Ronald Borg minn Ta’ Xmun Caterers sostna li saħansitra dawn il-preparamenti jibdew minn sitt xhur qabel. Propju mis-sajf.
“Il-preparamenti ħa ngħid hekk kważi jibdew mis-sajf. Orrajt mhux tax-xogħol imma ta’ ħafna ħsibijiet u xi tkun trid tixtri materjal u dawn l-affarijiet. Preparamenti joħdulek ħafna qed tifhem.”
Ronald Borg – Ta’ Xmun Caterers
Borg irrimarka wkoll x’qed jordnaw il-Maltin f’ikel f’dawn iż-żminijiet.
“Bħalissa jkollna ħafna domanda għall-finger foods tal-parties, affarijiet tradizzjonali tal-Christmas, bħal qgħaq tal-għasel, kejkijiet tal-Milied, s soufflé u dawn l-affarijiet. Dawn l-affariijiet l-iktar li jkunu in voga bħal dawn iż-żminijiet.”
Ronald Borg – Ta’ Xmun Caterers
Filwaqt li ħallejna lid-dulċiera jkomplu b’ħidmiethom fid-dawl tal-impenji minħabba l-ordnijiet kbar li qed ikomplu jiżdiedu sena wara sena, stajna nassistu għa ixkafef u t-tilari kbar tal-ikel, bil-lest sabiex jiġu mqassma madwar il-pajjiż fis-sigħat u l-jiem li ġejjin.
Ħaġa waħda kienet ċerta, l-festini fi djar il-Maltin din is-sena żgur mhux se jkunu nieqsa minn ikel bnin f’kumpanija u atmosfera mill-aqwa.