Fl-istorja ta’ pajjiżna, bosta Maltin emigraw lejn l-Awstralja, fost oħrajn, biex sabu ħajja aħjar. Dan ġara, b’mod partikolari, fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet fis-seklu li għadda, fejn Malta ma kinitx qed toffri l-opportunitajiet neċessarji ta’ xogħol u allura għajxien diċenti għal kwalità tajba ta’ ħajja.
Dak li għexu missirijietna f’dawk iż-żminijiet kien kompletament differenti mis-sitwazzjoni li ngawdu llum il-ġurnata u l-unika alternattiva kienet biss li jitilqu mill-pajjiż, bit-tama ta’ futur aħjar.
L-Awstralja kienet waħda mid-destinazzjonijiet ewlenin għal dan il-għan.
Ċifri mill-Australian Bureau of Statistics, li ħarġu t-Tlieta, skont l-aħħar Ċensiment fil-pajjiż, juru kif l-aktar konċentrazzjoni ta’ Maltin tinsab fil-Lvant tal-Awstralja.
L-informazzjoni turi li l-aktar lokalità u territorju f’dan il-pajjiż fejn jgħixu l-Maltin hi Llandilo fi New South Wales, fejn hemm kważi tmienja u għoxrin fil-mija.
Wara jsegwu Habana fi Queensland u Hillside f’Melbourne, Victoria, fejn hemm aktar minn ħdax fil-mija li għandhom dixxendenza Maltija.
Woodville Park, fin-Nofsinhar tal-Awstralja, u MacArthur fi New South Wales għandhom aktar minn wieħed fil-mija tal-popolazzjoni li huma Maltin.
Iċ-ċifri juru kemm il-Maltin baqgħu jinxterdu f’din l-akbar gżira fid-dinja u l-iżgħar kontinent, ferm ’il bogħod minn art twelidhom, Malta.