Mill-aħħar Ċensiment tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika joħroġ li minn fost il-ħaddiema Maltin illum il-ġurnata hemm kważi aktar maniġers milli dawk li joperaw tal-impjanti u tal-magni.
Iċ-ċifri taċ-Ċensiment, li ġew analizzati mill-gazzetta Kullħadd taħt it-titlu ‘Liema tip ta’ karrieri qed nimxu lejhom bħala Maltin fl-aħħar snin?’, jikxfu stampa ta’ kif żviluppaw l-impjiegi f’pajjiżna bejn l-2011 u l-2021.
Hawn joħroġ li l-akbar kategorija ta’ impjiegi li kienu qed jokkupaw il-Maltin kienet dik tal-professjonisti, b’total ta’ wieħed u għoxrin fil-mija. Min-naħa l-oħra, l-iżgħar kategoriji kienu dawk li jaħdmu fl-agrikoltura, is-sajd u l-forestrija, b’sehem ta’ kważi għaxar darbiet inqas minn dak tal-professjonisti.
Meta dawn ir-riżultati jiġu mqabbla maċ-Ċensiment ta’ għaxar snin qabel, jiġifieri tal-elfejn u ħdax, anke jekk dakinhar iċ-Ċensiment ma ddistingwiex l-impjiegi skont in-nazzjonalità, wieħed jara li l-akbar kategorija ta’ ħaddiema kienu dawk tas-servizzi u tal-bejgħ.
Imqabbel maċ-Ċensiment preċedenti, li sar tal-elfejn u ħdax, jiġi nnotat ukoll li n-numru ta’ ħaddiema Maltin f’impjiegi relatati mas-servizzi u tal-bejgħ, u dawk tal-operaturi f’impjanti u tal-magni, naqsu b’mod konsidervevoli. In-numru ta’ dawk f’okkupazzjonijiet elementari żdied, iżda b’ammont relattivament żgħir u, fost dawk ġodda, kienu biss erbgħa fil-mija l-Maltin.
Jirriżulta li disgħa minn kull għaxra tal-ħaddiema Maltin addizzjonali f’dan il-perjodu ta’ għaxar snin kienu maniġers, professjonisti jew tekniċi.
Filwaqt li kien hemm żieda sinifikanti ġenerali fin-numru ta’ Maltin jaħdmu, pajjiżna xorta kellu bżonn għadd sostanzjali ta’ barranin. Mill-informazzjoni miġbura fiċ-Ċensiment tal-2021 jirriżulta li professjonisti ġodda Maltin ammontaw għal kważi żewġ terzi taż-żieda totali f’din il-kategorija mill-2011 ’il quddiem.
Min-naħa l-oħra, tlieta minn kull ħamsa fiż-żieda fost il-ħaddiema agrikoli, tal-forestrija u tas-sajd kienu ħaddiema ġodda Maltin, li hu proporzjon simili li ġie rreġistrat fost it-tekniċi u l-maniġers. Għal kategoriji ta’ ħiliet aktar baxxi, il-Maltin ma kinux jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-ħaddiema addizzjonali.
Kummenti minn analisti tas-settur, li tkellmu mal-KullĦadd, saħqu li persuna Maltija llum il-ġurnata għandha darba u nofs aktar probabbiltà li tokkupa pożizzjoni maniġerjali milli tkun f’impjieg elementari.
Bil-maqlub, dan ma kienx il-każ 13-il sena ilu fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista.