L-ekonomista Robert Borg jemmen li l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar l-Gvern t-Tnejn b’investiment ta’ disa’ mitt miljun ewro se jkompli jinċentiva l-investiment.
Ma’ dan l-istazzjon huwa qal li l-miżuri se jserħu ras in-negozji.
L-ekonomista Borg qal, “Dawn huma kollha miżuri li fl-aħħar mill-aħħar l-iskop tagħhom huwa li jinċentiva l-investiment, jinċentiva l-fiduċja fil-pajjiż, u jerġa’ joħloq il-klima li l-investitur jkompli jassigura li l-Gvern iqisu bħala partner tiegħu.”
Semma li dan mhux biss eżerċizzju ta’ tqassim ta’ flus bl-addoċċ iżda investiment fin-nies. Għaliex il-Gvern qiegħed jafda fil-poplu sabiex ikunu huma li jmexxu l-ekonomija ‘l quddiem.
Hu kompla jgħid, “Mhux se naraw biss flus jintefqu imma flus relatati ma’ investiment. Dan iwassal biex nerġgħu inkabbru l-employment fil-pajjiż, fl-ekonomija, il-multiplier effect terġa’ tibda tinħass, ir-rota ekonomika terġa’ tibda ddur u allura l-investitur jista jibda’ n-nifs neċessarju biex jerġa jibda jara t-tkabbir li ra fl-aħħar snin.”
Wara li fl-aħħar snin in-nefqa medja mill-Maltin f’Malta kienet ta’ madwar ħamsin miljun ewro, l-ekonomista Borg qal li l-miżuri li tħabbru t-Tnejn filgħaxija se jagħtu lok għal spinta fid-domanda domestika.
Dan fost oħrajn bl-iskema tal-voucher ta’ mitt ewro għal kull persuna minn sittax-il sena ‘l fuq.
“Dawn kollha se jwasslu biex ir-rota ekonomika ddur mill-Maltin stess. L-iskop tal-Gvern huwa ovvjament li n-nies vulnerabbli jintlaqtu l-inqas. Il-Malta Enterprise ħadet diversi miżuri li seħħew fix-xhur li għaddew. Issa qed naraw pjan ta’ stimolu li jlaħħaq kważi l-biljun ewro u dan kollu ħa jniedi sitwazzjoni li l-flus li l-ekonomija għanda li anka d-depożiti tal-banek żdiedu, jibdew isiru available għall-investiment.” Temm jgħid l-ekonomista.